Futbol Sport

Inter iżommu l-pass ma’ Napoli

(Ritratt: EPA)

Inter żammew il-pass ma’ Napoli b’rebħa konvinċenti ta’ 4-0 kontra Lecce. Davide Frattesi poġġa lil Inter fil-vantaġġ wara sitt minuti bl-istess plejer ikollu gowl imħassar permezz tal-VAR fil-25 minuta. Lautaro Martinez għamilhom 2-0 fid-39 minuta. Inter skurjaw it-tielet gowl fis-57 minuta permezz ta’ Denzel Dumfries qabel ma penalty ta’ Mehdi Taremi għamel l-iskor finali 4-0.

Rimonta fl-aħħar ħinijiet tat rebħa ta’ 3-2 lil Milan kontra Parma. Matteo Cancellieri poġġa lil Parma fl-24 minuta. Christian Pulisic permezz ta’ penalty għamilhom 1-1. Fit-80 minuta, kien Enrico Del Prato li skorja l-gowl ta’ 2-1 favur Parma. Milan skorjaw darbtejn wara d-90 minuta permezz ta’ Tijani Reijnders u Samuel Chukwueze.

Rimonta wkoll kruċjali minn Roma barra minn darhom f’rebħa ta’ 2-1 kontra Udinese. Lorenzo Lucca poġġa lil Udinese fil-vantaġġ fit-38 minuta. Roma dawru l-partita fit-tieni taqsima permezz ta’ żewġ penalties wieħed fil-50 minuta permezz ta’ Lorenzo Pellegrini u ieħor fl-64 minuta permezz ta’ Artem Dovbyk.

Fiorentina kisbu rebħa ta’ 2-1 fuq Lazio. Il-gowls tal-Viola kienu skorjati fl-ewwel sbatax-il minuta permezz ta’ Yacine Adli u Lucas Beltran. Lazio skorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni fl-aħħar ħinijiet permezz ta’ Adam Marusic.