Internazzjonali

Gaza: Pressjoni minn Trump biex l-Eġittu u l-Ġordan jaċċettaw ‘il-mewġiet tal-Palestinjani’

Il-President Donald Trump qed ikompli jippromwovi l-politika barranija ġdida u kontroversjali tal-Istati Uniti u meta issa, qajjem ferment fost it-tmexxija tal-Eġittu u l-Ġordan… it-tnejn pajjiżi Għarab u li issa se jkunu suġġetti għall-pressjoni ta’ Trump biex idaħħlu u jaċċettaw il-Palestinjani minn Gaza.

Trump, fil-preżent, qed jgħid li ressaq din it-talba lir-Re Abdullah tal-Ġordan u meta anki ‘kien qed jippjana biex jagħmel l-istess’ lill-President Eġizzjan Abdel Fattah El-Sisi.

Trump, filwaqt li rrefera għal Gaza bħala ‘art tajba biss għall-qerda’ qal li ‘l quddiem se tikber il-ħtieġa biex il-madwar miljun u nofs residenti Palestinjani jirrilokaw lejn postijiet aktar dinjitużi għall-għajxien. Proċess li fi tmiemu jista’ jkun wieħed temporanju inkella għat-tul taż-żmien.

Min-naħa tagħhom, il-Palestinjani f’Gaza huma urtati b’dan id-diskors huma u jinsistu li mhumiex se jitkeċċew minn art twelidhom. U l-grupp tal-Ħamas li jikkontrolla Gaza, għamilha ċara li se jopponi azzjoni bħal din, bil-Gvern tal-Ġordan ukoll itenni li mhux favur ta’ politika li żżid mal-issue tar-refuġjati Palestinjani.

Dan meta l-parti kbira tar-residenti ta’ Gaza qed ikunu sfurzati li jgħixu bħal refuġjati b’riżultat tal-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas li damet għal 15-il xahar u meta nqerdu l-parti kbira tad-djar u l-infrastruttura fit-territorju.