Lokali Qorti

Il-MaltaToday tgħid li Gvern “raqad” fuq riforma vera fis-sistema tal-ġustizzja

Il-Gvern ilu sentejn li wiegħed riforma fis-sistema tal-ġustizzja. Iżda huwa evidenti li raqad fuqha.

Hekk iddikjara l-editur tal-MaltaToday fil-ħarġa tal-Ħadd, hekk kif analizza r-reazzjonijiet b’saħħithom li kien hemm fl-aħħar jiem wara li Yorgen Fenech – li jinsab akkużat bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – ingħata l-libertà proviżorja.

Il-gazzetta tgħid illi l-aħbar li Fenech ingħata l-bail ixxokjat pajjiż sħiħ.

Yorgen Fenech kien ġie arrestat f’Portomaso fl-2019. Dakinhar, xegħel pajjiż sħiħ. In-nies jinżlu fit-toroq jipprotestaw. Il-Gvern spiċċa fi kriżi. Kellna Prim Ministru li waqa’ mill-poter. U Robert Abela, jidħol warajh b’ħafna wegħdi sbieħ – li minnhom ma sar assulutament xejn.

Tant illi l-MaltaToday iddikjarat li l-Gvern raqad fuq din il-materja, b’attitudni kważi kważi disturbanti. Aktar u aktar meta wieħed jaħseb kemm qed jgħaġġlu minn Kastilja biex idaħħlu liġi li tirrestrinġi l-Inkjesti Maġisterjali.

Il-gazzetta tgħid ukoll li l-bail ta’ Yorgen Fenech hija daqqa għas-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna – sistema li għandha tissewwa immedjatament.