“Il-poplu għandu għażla – iridx gvern tad-delays li moħħu biex jiġġieled u jimpika, jew inkella jridx gvern li nkunu sereni, ma nkunux maqbudin mill-komplotti li jsiru bil-moħbi, u nkunu liberi li niddeċiedu għalik. Gvern Nazzjonalista li jekk ittuna l-fiduċja nieħdu d-deċiżjonijiet għalik għal investiment. Gvern li huwa kkonċentrat li jwettaq il-miri tiegħek.”
Kien dan kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt attività politika tal-Partit Nazzjonalista li saret f’Eden Lodge, iż-Żurrieq bit-tema ‘Malta Żagħżugħa’.
Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jemmen fil-ħidma ta’ bżulija tal-poplu Malti u Għawdxi. Iżda, minkejja dan, huwa fakkar f’kemm hemm proposti li ġew imwegħda mill-Gvern Laburista sena wara l-oħra iżda li qatt ma saru.
“Fejn hu interess tiegħek, hemmhekk bid-delay, imma fejn hu interess tiegħu, hemmhekk isir mill-ewwel,” qal Bernard Grech.
Il-Kap tal-PN qal kif huwa evidenti li għandna Prim Ministru li jew qatt ma jwassal lil pajjiżna għall-miri tiegħu jew jekk iwasslu, jagħmel dan tard wisq. U dan għaliex mhedi f’attakki partiġġjani.
“Filwaqt li ħaddieħor jistieden lin-nies għall-ġlied, aħna nistiednu lin-nies għat-tama,” qal Bernard Grech.
Huwa fakkar li n-nuqqasijiet ta’ Robert Abela jwasslu biss għat-tbatija tal-poplu Malti u Għawdxi, ikun x’ikun is-settur.
“Xi tridu? Min iħobb lill-pajjiż jew min jaħtaf lill-pajjiż?” staqsa Bernard Grech.
Bernard Grech qal kif l-uniku partit li jista’ jwassal għal pajjiż li jitwieled mill-ġdid huwa l-Partit Nazzjonalista.
“Jekk tridu li jirrenja s-sens komuni, għandkom għażla waħda – il-Partit Nazzjonalista. Politika ta’ pjan li tidħol f’kull qasam. Dak li nwiegħdu, inwettquh. Flusek ninvestuhom fik għal iktar ġid. Realtà li flimkien nistgħu nwelldu,” qal Bernard Grech.
//= $special ?>