Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista jassigura li jagħti kwalità ta’ ħajja mimlija kuntentizza”

Quddiem in-nuqqasijiet kbar li rajna f’dawn l-aħħar snin ta’ gvernijiet Laburista saret wegħda li l-Partit Nazzjonalista se jassigura li la darba jkun fil-Gvern, se jagħti kwalità ta’ ħajja mimlija kuntentizza. Dan qaluh żewġ kelliema waqt attività politika tal-Partit Nazzjonalista li saret f’Eden Lodge, iż-Żurrieq bit-tema ‘Malta Żagħżugħa’.

Ix-Shadow Minister għas-Saħħa, Adrian Delia qal li fl-aħħar jiem ra membri Laburisti jakkużawh għaliex qed jagħmel xogħlu bħala deputat parlamentari sabiex kull membru parlamentari jagħti rendikont ta’ xogħlu.

Adrian Delia fakkar kif is-settur tas-saħħa wasal verament fl-agħar tiegħu tant li saħansitra partijiet mis-soqfa qed jaqgħu fuq il-pazjenti u l-mediċi. Huwa rringrazzja lill-mediċi kollha li qed isalvaw il-ħajjiet minkejja s-sitwazzjoni tal-biki li jkollhom jaħdmu ta’ kuljum fiha.

“Aħna m’aħna ħa nittradukom qatt, m’aħna se nisirqukom qatt,” qal Adrian Delia. “Inwiegħduk li se ninvestu fis-settur tas-saħħa.”

Huwa kompla jfakkar kif dawk li ħolqu l-problema ma jistgħu qatt isolvuha huma u b’hekk talab il-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Kandidata Nazzjonalista fuq id-9 Distrett, Marilena Gauci, qalet li jeħtieġ li pajjiżna jinvesti fil-barrani iżda li importanti li dan ikun ta’ kwalità. Iżda ma jistax jonqos li ninvestu fiż-żgħażagħ Maltin sabiex dawn isibu x-xogħol adekwat għalihom u b’hekk ma jitilqux minn pajjiżna.

Fakkret kif il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li jkun hemm tnaqqis ta’ income tax għal kull ġenerazzjoni, inkluż iż-żgħażagħ u l-anzjani.

“Din hi d-differenza bejn iż-żewġ partiti,” qalet Marilena Gauci. “Il-Partit Nazzjonalista li jagħti kwalità ta’ ħajja mimlija kuntentizza.”

Marilena Gauci staqsiet għadd ta’ mistoqsijiet fejn ilna għal dawn l-aħħar snin naraw nuqqasijiet kbar b’riżultat li għalihom il-poplu Malti u Għawdxi qed iħallas prezz qares ferm. Fost dawn, bla ebda dinjità għall-pazjenti u l-mediċi, u Gvern Laburista li jixxaħħaħ mal-edukaturi.

“Ir-risposti nsibuhom fil-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech,” temmet tgħid Marilena Gauci.

Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo