Lokali Qorti

Immultat €1,000 wara li attakka żewġ pulizija

Żagħżugħ ta’ 17-il sena mill-Qrendi ġie mmultat €1,000 wara li ammetta lill-Qorti ppresduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, li weġġa’ żewġ uffiċjali tal-pulizija.

L-inċident ġie rrappurtat il-Ħadd għall-ħabta tat-3:30am f’lukanda fi Triq il-Wilġa, f’San Ġiljan.

Iż-żagħżugħ ġie akkużat li weġġa’ l-pulizija u li ma obdiex l-ordni tagħhom. Il-ġrieħi li sofrew minnhom il-pulizija ma kenux serji.

Il-prosekuzzjoni u d-difiża tkellmu dwar il-każ quddiem il-Maġistrat. Wara dan, iż-żagħżugħ wieġeb ħati.

L-avukat li deher għall-akkużat, Nicholas Mifsud, qal li ż-żagħżugħ kellu 17-il sena u ma kellux rekord kriminali, u għalhekk m’għandux imur il-ħabs u minflok il-Qorti twissieh biex ma jerġax ixellef difrejh mal-ġustizzja. Fil-Qorti, l-akkużat skuża ruħu mal-pulizija li kien attakka.

Minħabba f’hekk, il-Maġistrat iddeċidiet li sentenza ta’ ħabs kienet tkun wisq eċċessiva, u għalhekk immultatu €1,000 li għandu jħallas fi żmien sitt xhur u wissietu biex ma jerġax jersaq lejn il-Qorti.