Internazzjonali

Korea t’Isfel: Il-President Yoon akkużat dwar rewwixta wara l-impeachment

FILE PHOTO: South Korea's President Yoon Suk Yeol speaks during a ceremony of the 104th anniversary of the March 1st Independence Movement Day against Japanese colonial rule, in Seoul on March 1, 2023. Jung Yeon-Je/Pool via REUTERS/File Photo

Il-President tal-Korea t’Isfel, Yoon Suk Yeol, issa qed jiffaċċja akkużi formali li prova jqajjem rewwixta fil-pajjiż meta hu, f’Diċembru, kien iddikjara liġi marzjali fost il-paniku u konfużjoni fuq livell nazzjonali.

L-akkuża fil-konfront ta’ Yoon – li anki jinsab taħt proċess ta’ impeachment – kienet ikkonfermata wara li qorti f’Seoul ċaħdet talba li saret fi tmiem il-ġimgħa biex il-perjodu ta’ arrest għall-President ikun estiż b’aktar ġranet. Sitwazzjoni fejn il-prosekuturi kellhom jieħdu deċiżjoni ta’ malajr dwar jekk iressqulux l-akkuża formali inkella jagħtuhx il-libertà qabel sbieħ it-Tnejn.

Id-dikjarazzjoni tal-liġi marzjali kienet tefgħet lill-Korea f’Isfel fi kriżi politika bla preċedent u Yoon, b’hekk, sar l-uniku President Korean fl-istorja li spiċċa akkużat b’reat meta hu, teknikament, għadu qed jokkupa dan ir-rwol.

Intant, il-Qorti Kostituzzjonali – fi proċess ieħor – qed tiddelibera jekk tkeċċix formalment lil Yoon minn President inkella tħallihx ikompli fil-kariga. Dan ukoll meta Yoon, fil-parti kbira, qed jirrifjuta li jikkoopera mal-investigazzjoni kriminali relatata mad-dikjarazzjoni dwar il-liġi marzjali.