Internazzjonali

Libanu: Inċidenzi ta’ dmija u tensjoni wara li skada d-deadline għall-irtirar tal-Iżraeljani

Il-militar Iżraeljan għadu qed jokkupa diversi bnadi tal-Libanu wara li skada d-deadline għall-irtirar li wkoll jesiġi biex il-milizji Lebaniżi Xiti tal-Ħeżbollah jirtiraw mill-artijiet indikati. Dan fost rapporti li s-suldati Iżraeljani, fl-aħħar sigħat, qatlu tal-anqas 14 waqt li ħallew mal-100 feruti waqt azzjonijiet fin-Nofsinar tal-Libanu.

Eluf ta’ Lebaniżi, bħalissa, qed jirritornaw lejn l-ibliet u l-villaġġi mal-fruntiera ta’ pajjiżhom minkejja t-twissijiet dwar il-periklu kontinwu fl-inħawi. It-twissijiet komplew jingħataw min-Nazzjonijiet Uniti u mill-Armati tal-Libanu u Iżrael.

L-Iżraeljani, intant, qalu li l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied mal-Ħeżbollah – effettiv għal 60 jum – ma kienx implimentat bis-sħiħ. U f’din is-sitwazzjoni mhux ċar kemm fadal suldati Iżraeljani li għadhom qed jokkupaw l-artijiet tal-Lebaniżi inkella kemm se ddum il-preżenza tagħhom fil-Libanu.

L-awtoritajiet Lebaniżi qalu li l-qawwiet Iżraeljani, fl-aħħar sigħat, attakkaw lin-nies li pruvaw jaslu fil-lokalitajiet tal-Libanu li għadhom okkupati mis-suldati ta’ Iżrael.

L-Armata tal-Libanu sostniet li fl-aħħar inċidenti nqatlu wkoll xi suldati tagħha b’kaġun tal-isparar tal-Iżraeljani u fejn anki rriżultaw il-midruba.

Il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied fil-Libanu, wara ġimgħat ta’ ostilitajiet u bumbardamenti matul is-sajf, kien sponsorjat mill-Istati Uniti u Franza.

L-istess ftehim kien jesiġi biex it-truppi Iżraeljani joħorġu miz-zoni Lebaniżi tan-Nofsinar u bil-milizji tal-Ħeżbollah – alleati kbar tal-Iran – jabbandunaw l-inħawi viċin il-fruntiera tal-Libanu ma’ Iżrael filwaqt li jirtiraw l-armamenti tagħhom mill-istess zona.