Robert Abela naqas milli jagħti spjegazzjoni għaliex għadu ma ppubblikax id-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu u tal-Ministri – dikjarazzjonijiet li baqgħu ma ġewx preżentati fil-Parlament.
Dawn id-dikjarazzjonijiet jinkludu d-dettalji tal-kontijiet tal-bank, propjetajiet f’isimhom u ishma, u anke assi oħrajn. U jiġu ppreżentati fil-Parlament darba f’sena.
Iżda, l-aħħar li Abela ppreżentahom u ġew ippubblikati kien f’April tal-2023, jiġifieri kważi sentejn ilu.
Din il-proċedura ssir sabiex ikun hemm trasparenza fl-istess waqt li jiġi evitat li politiċi jispiċċaw involuti f’sistemi ta’ korruzzjoni; għaliex permezz ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet ikollhom jispjegaw dħul ta’ flus li mhux neċessarjament jagħmel sens.
Issa, meta mistoqsi mit-Times għaliex naqas milli jippublika l-assi tiegħu matul is-sena li għaddiet, l-Uffiċċju tiegħu ma tax spjegazzjoni. Agħar minn hekk, din il-gazzetta ma ingħatatx aċċess biex imqar jaraw dawn id-dikjarazzjoni – li skont Abela jinsabu fl-uffiċċju tiegħu f’Kastilja.
Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li Robert Abela jippubblika minnufih id-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu u tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari tiegħu għas-sena 2023.
Dan għaliex Robert Abela qed ikompli bil-ħabi u bl-impunità billi qed iżomm sigrieta informazzjoni li għandha sservi biex hu u l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tiegħu jinżammu taħt skrutinju pubbliku u kontabbli għall-aġir tagħhom.
//= $special ?>