Skont Robert Abela, l-inkjesta li fetaħ il-Partit Nazzjonalista u li kixfet kif sħabu u esponenti għolja tal-Labour kienu kompliċi ewlenin fil-frodi tal-isptarijiet kienet “flus mormija”.
Il-Prim Ministru, li kemm ilu jmexxi lil pajjiżna ma investa kważi xejn fi skejjel ġodda, qal li kieku ma saritx l-inkjesta dwar Vitals u Steward, kien jibni skola ġdida.
Robert Abela m’għadux kredibbli la meta jitkellem dwar l-edukazzjoni, la dwar il-ġustizzja u lanqas dwar is-saħħa. Meta jitkellem dwar dawn l-oqsma ħadd ma jemmnu.
Fi 12-il sena, is-sistema tal-Qrati tħalliet tiddeterjora, imma jekk tisma’ lil Abela jitkellem taħseb li l-kawżi fil-Qrati qed jinqatgħu mil-lum għal għada. Anke jekk lilu stess hemm min qallu li ilu sitt snin jistenna li tinqata’ kawża maġisterjali.
Issa Abela mhux talli mhu qed jagħmel xejn biex il-ġustizzja sseħħ, u sseħħ fiż-żmien stipulat, talli f’paniku biex jipprova jsalva l-ġilda tiegħu u ta’ sħabu, telaq jiġri biex jipprova jċekken il-lasti
Ilum Robert Abela kixef idejh u qalilna li r-riforma li jrid li tidħol fis-seħħ dwar l-inkjesti, irid li tkun tapplika anke għal dawk it-talbiet li għadhom pendenti quddiem il-Maġistrat.
Ma’ kull ġurnata li tgħaddi, Abela qed ikompli jinkixef waħdu li din mhix għajr riforma biex jipprova jsalva lil sħabu li ffrodaw lill-poplu, u mhux biex tipproteġi lill-poplu.
Abela inkixef għalfejn din ir-riforma jrid jgħaddiha mill-Parlament illum qabel għada waqt li riformi kruċjali oħra li jeffettwaw il-ħajjiet tan-nies ilhom jistennew ix-xhur u s-snin biex jiġu diskussi.
Abela jimpurtah biss minnu u minn ta’ madwaru.
Għal Abela, int biss vot li permezz tiegħek jista’ jibqa’ jagħmel li jrid hu, waqt li int tħallas.
Meta Robert Abela jgħid li l-ġustizzja u s-saħħa huma dritt fundamentali, juri biċ-ċar li jaf x’inhuma l-obbligi tiegħu. Iżda bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti. Għax ilkoll nafu li dawn huma żewġ oqsma li jinsabu fi kriżi f’pajjiżna, b’eluf ta’ kawżi jistennew li jinqatgħu fil-Qrati, u bi sptar li qed jogħtor taħt il-pressjoni.
Il-Partit Nazzjonalista japprezza l-fatt li tal-anqas Robert Abela jagħraf li l-pajjiż għadu qed joffri l-aħjar impjiegi fl-oqsma li ġabu Gvernijiet Nazzjonalisti meta qal li l-aħjar xogħlijiet f’pajjiżna – dawk fil-gaming, fis-servizzi finanzjarji, fl-ajronawtika, fil-farmaċija – irridu nżommuhom għall-Maltin.
Ħasra li fi 12-il sena, dan il-Gvern ma kienx kapaċi jiġbed imqar settur ekonomiku wieħed ġdid li joffri impjiegi ta’ kwalità liż-żgħażagħ u lill-ħaddiema tagħna.
Robert Abela u sħabu ma jistgħux jiffukaw fuq it-tmexxija tal-pajjiż, għax moħħhom biss kif se jkomplu jitħanżru.
Imma filwaqt li int taħdem u tħallas it-taxxi u trid tiddikjara kollox lill-Gvern, il-membri tal-Gvern ma jridukx tkun taf x’qed idaħħlu huma u ma jridux jagħmlu d-dikjarazzjoni tal-assi tagħhom pubbliċi.
Għax Robert Abela u sħabu mitlufa wisq jippruvaw jiffangaw u jgħattu xturhom.
M’għandhomx la l-ħin, la l-enerġija u lanqas l-interess li jaħdmu għalik.
Il-Partit Nazzjonalista mhux se jħalli lil Robert Abela u sħabu jibqgħu jgħaddu ż-żmien bin-nies.
In-nies xebgħu minn Gvern li jaħseb li jista’ jagħmel li jrid bi flus il-poplu, li medhi jara kif se jkompli jaħtaf filwaqt li jgħatti xturu. Il-poplu jrid Gvern iffukat li jmexxi b’direzzjoni u pjan.
Il-Gvern Laburista la hu ffukat u lanqas għandu pjan.
//= $special ?>