“Naħseb li Greenland se jkun tagħna l-Amerikani” kien l-aħħar kumment sinifikanti ta’ Donald Trump meta l-President tal-Istati Uniti , sigħat ilu, kien qed ikellem lill-ġurnalisti fuq l-ajruplan presidenzjali magħruf bħala Air Force One. Dan il-kumment kompla jżid it-tensjoni mad-Danimarka wara telefonata taħraq, jiem ilu, bejn il-President Amerikan u l-Prim Ministru Daniż, Mette Frederiksen, fejn hi kienet qaltlu ċar u tond li Greenland mhux għall-bejgħ.
Il-President Trump qed jgħid li l-kontroll ta’ Greenland minn pajjiżu hu assolutament neċessarju għas-sigurtà internazzjonali u, waqt is-sessjoni mal-ġurnalisti fuq l-ajruplan, tenna t-twemmin li n-nies ta’ Greenland iridu jkunu mal-Amerikani.
U fi kliem ieħor meqjus bħala theddida ċara lill-Gvern ta’ Kopenħagen, Trump qal li d-Danimarka tkun qed taġixxi b’mod ostili fir-rigward ta’ Washington jekk ma tippermettux li Greenland isir tal-Amerikani – u f’liema każ, skont hu, id-Daniżi jkunu qed jostakolaw il-mezzi għall-protezzjoni tad-dinja ħielsa. Il-President kompla li l-Istati Uniti – aktar milli d-Danimarka – hi l-unika pajjiż li jista’ jipprovdi din il-protezzjoni.
Sadanittant, il-Prim Ministru Frederiksen u l-Prim Ministru ta’ Greenland, Mute Egede, għadhom jinsistu li mhumiex se jċedu l-gżira kif ġieb u laħaq. Mute Egede qal li huma r-residenti ta’ Greenland li jiddeċiedu l-użu ta’ din l-art, għalkemm hu, fl-istess ħin, esprima x-xewqa li jikkollabora u jaħdem aktar mill-qrib mal-Istati Uniti rigward l-impenji ta’ difiża kif ukoll fil-qasam tal-mining.
Mette Fredriksen qed tkompli tinsisti – l-istess bħalma qalet waqt it-telefonata rabbjuża ma’ Trump li damet għal kważi siegħa – li Greenland hu tal-poplu li rabba l-għeruq f’din il-gżira u li dan il-poplu biss għandu d-dritt li jiddeċiedi l-futur tat-territorju.
Dan meta l-midja fid-Danimarka, issa, qed tiżvela l-arja ta’ tensjoni li rrenjat waqt dik it-telefonata u fejn irreferiet għad-diskors bejn il-Prim Ministru u Trump bħala inkwetanti ferm.
Ingħad ukoll li l-interess ta’ Trump fi Greenland irid jitqies bħala suġġett serju ħafna u li għandu potenzjal perikoluż għall-aħħar.
Il-gżira ta’ Greenland tinsab fl-iqsar rotta bejn l-Amerika ta’ Fuq u l-Ewropa u għaldaqstant hi wkoll importanti għall-Istati Uniti minn aspett ta’ loġistika. Fi Greenland hemm anki faċilità tal-Amerikani għall-istudju tal-ispazju – bil-gżira hi wkoll importanti għar-riżorsi naturali u l-impenji ta’ skavar għall-uranjum, il-ħadid u l-minerali rari.
//= $special ?>