Waqt intervista esklussiva, John Attard Montalto qal li fil-jiem li għaddew hu ħass li kellu jżur il-Mafkar dedikat lil Daphne Caruana Galizia wara li rabba’ kuraġġ kbir li jmur isellem lil din il-vittma ta’ persuni li qatluha sempliċiment għaliex hi, bħala ġurnalista, kienet qed tiżvela fatti xokkanti li ma jixirqux lis-soċjetà.
Dak li ġara kien li kont il-Belt Valletta u għaddejt minn quddiem dan il-Mafkar u għedt bejni u bejn ruħi jekk kelliex il-kuraġġ li nieqaf u nsellem lil din il-persuna biex nuri u nibgħat messaġġ kemm dak li għamlu magħha kien atroċi u ma jixraqx lis-soċjetà.
Fil-fatt hekk għamilt waqaft quddiem dan il-Mafkar u mort insellem lil din il-mara waqt li għamilt ftit tal-ħin fis-skiet nirrifletti fuq din il-ġrajja tant kerha li jien niddisassoċja ruħi mhux biss ma’ min kien b’xi mod involut f’dan l-assassinju, imma anki ma’ min b’xi mod jiġġustifika jew jaqbeż għal min kien involut f’dan id-delitt.
Tajjeb li nispjega wkoll li jien u Daphne Caruana Galizia trabbejna f’Tas-Sliema, preċiżament fi Triq Amery. Kważi faċċata ta’ xulxin. Hi kienet ftit iżgħar minni fl-età. Jien kelli ammirazzjoni lejha għall-fatt li kellha għal qalbha l-professjoni ġurnalistika u dak li hi kienet tikteb jien qatt ma ddubitajt minnu.
Pubblikament ma kont ngħid xejn, imma fil-privat dak li kont inħoss kont ngħidu bla tlaqlieq ta’ xejn.
Daphne Caruana Galizia kellha kuraġġ enormi li l-informazzjoni li kienet tirċievi, kienet taħdem dwarha, tikkonferma d-dettalji li kienu jaslulha u mbagħad toħroġhom għall-pubbliku. Illum qiegħed jirriżulta li kważi kull ma qalet kien veritier; li dak li kienet qegħda tikteb fil-fatt żvolġa fil-verità.
Naturalment dak kollu li hi kienet qegħda tikxef u tikteb spiċċa biex kien ta’ ostakolu għal dawk kollha involuti wara s-serq u l-korruzzjoni li kienet qegħda tinħema. Ġara allura li fil-bidu ppruvaw iwaqqgħuha għaċ-ċajt, jirredikolawha u jnaqqsulha mill-importanza tagħha iżda hi baqgħet għaddejja… tikteb u tikxef l-istejjer li kienu qegħdin jinħmew f’ħafna ħabi. Imma hi kienet qed tikxef dan il-ħabi perikoluż sal-punt li mbagħad tħejja l-pjan li jeliminawha darba għal dejjem.
Hi għalija hi eroj. Ma beżgħetx tikteb il-verità u tikxef il-ħmieġ kbir li kien beda jinħema f’pajjiżna.
Ta’ min ifakkar li taħt il-Prim Ministru Alfred Sant jien kont Ministru għal sentejn u Alfred Sant, għalkemm ta’ ras mhux ratba u rarament jagħti kas tal-pariri li kienu jaslulu minn għandna imma jagħti kas ta’ dak li jgħidulu ċerti ħbieb tiegħu biss, hu persuna rett ħafna.
Imma l-affarijiet li bdew jiġru appena hu ma baqax fit-tmexxija tal-Partit Laburista, bdew ikunu riflessi fil-midja, fosthom grazzi għall-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia. Għaliex darba Alfred Sant ingħata l-ġenb, il-Partit Laburista nħataf minn ċerti persuni li l-ewwel mira tagħhom kienet li jagħmlu lill-Partit Laburista mill-ġdid eleġibbli ħalli huma jkunu jistgħu jistagħnew u għalhekk l-ewwel passi kienu li jagħmlu mill-Partit Laburista, partit li jidher frisk, organizzat u possibbilment rebbieħ.
Dak iż-żmien jiena bħala pesuna viċin ħafna tal-Partit Laburista, bħala professjonist u Avukat bdejt nara jseħħu ċerti affarijiet li ma kenux jagħmlu sens. Fi ftit kliem bdejt nara numru ta’ affarijiet li fil-veru sens tal-kelma kienu qed iqażżuni. Sadattant imbagħad kien hemm ċerti ġurnalisti li bdew jirċievu l-informazzjoni, dawn jagħmlu l-kontijiet u l-verifiki tagħhom… u l-istejjer jispiċċaw pubblikati.
Tajjeb li wieħed japprezza wkoll li qegħdin nitkellmu dwar għadd ta’ snin ilu meta l-midja soċjali kienet għadha fil-bidu tagħha u għalhekk ċerti stejjer li kienu bdew joħorġu bl-aktar mod oġġettiv fuq il-midja soċjali bdew jagħmlu ħoss kbir.
Fi ftit kliem lil Daphne Caruana Galizia qatluha għaliex kellha l-kuraġġ li tikxef il-moqżieżati li kienu qed isiru fil-politika u f’ċerti negozji u swieq. Naf ukoll li lil hinn mill-istorja tal-Electrogas, il-mara kienet qed taħdem fuq storja ferm akbar. Jien konvint li qatluha, assassinawha biex din l-istorja ma tinħariġx.
Dan kollu nista’ ngħidu għaliex Daphne u jien konna nitkellmu u fit-tul u darba minnhom kienet qaltli li kienet qed taħdem fuq storja ferm akbar minn dik tal-Electrogas. Illum nafu li storja ferm akbar minn tal-Electrogas kienet dik tal-bejgħ tat-tliet sptarijiet lill-Vitals Healthcare minn wara dahar il-poplu kollu.
Mistoqsi dwar il-fatt li llum għaddew tnax-il sena minn meta l-Partit Laburista ħa t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh u sa minn dakinhar l-istejjer ta’ korruzzjoni, tixħim, serq u malprattiċitajiet oħrajn ma waqfu qatt, John Attard Montalto fisser li hu qalbu tingħafas ħafna b’dawn l-istejjer li mhux biss jagħmlu ħsara lil Malta fid-dehra tagħha, imma anki ħsara l-kredibbiltà ta’ pajjiżna.
Jien niddisassoċja ruħi kompletament minn dan kollu li l-ispjega tiegħi hi waħda faċli għall-fatt li jien lil ċerti nies nafhom tajjeb għaliex ħdimt fil-viċin tagħhom sa minn qabel mal-Partit Laburista rebaħ il-Gvern f’Marzu tal-2013.
Xi drabi, bejni u bejn ruħi ngħid, mur ġib lill-Perit Mintoff illum x’jgħid? Għaliex Mintoff – u jien kont viċin ħafna tiegħu u konna ngħaddu ħafna ħinijiet flimkien biżżejjed ngħidlek li konna nkunu flimkien fil-Milied u lejliet, fl-Ewwel tas-sena u fl-Għid u f’okkażjonijiet importanti ħafna u sa ma wasal biex darba organizzali festin ta’ għeluq snini – kien żorr kemm trid, iżda ħadd ma jista’ jgħid li kellu xi l-iċken dell fuqu. Niftakar li darba għal għeluq snini kien irregalali sett ta’ inċiżjonijiet li kien tahomlu l-mibki Prim Ministru Taljan Aldo Moro.
Mur ġibu llum lil Mintoff jara dan kollu. Mintoff li kien ifittex u jara x’se jġib lejn pajjiżna u mhux x’se jagħti lill-barranin. Jien sifirt ħafna drabi ma’ Mintoff. Kien jafdani b’għajnejh magħluqa. U meta konna nkunu waħidna konna nitkellmu bl-aktar mod ċar u l-messaġġ ta’ Mintoff bl-istil tiegħu – taqbel jew ma taqbilx – dejjem kien x’se jakkwista u x’se jġib għall-poplu Malti u Għawdxi.
Niftakar ukoll tant tajjeb li anki meta konna nsiefru flimkien għal xi vaganza, il-Perit Mintoff kien ikun dejjem moħħu kif se jippromwovi lil Malta u l-interessi ta’ pajjiżna.
Illum nafu tajjeb ħafna x’ġara f’pajjiżna f’dawn l-aħħar tnax-il sena… stejjer ta’ ħtif bla rażan u dan dejjem bi stejjer li wieħed jaf bihom apparti minn oħrajn li għadna ma smajna xejn dwarhom.
Mintoff ma kienx bniedem faċli u għalkemm kien kapaċi ħafna biex jispjega, kien hemm affarijiet li hu għamel iżda l-poplu ma kellux bżonnhom anki għaliex ma redhomx. Imma ’l quddiem għad niżvela l-vera storja ta’ Mintoff u għaliex Mintoff wasal biex għamel ċerti affarijijet. Iżda Mintoff qatt ma seraq jew ipprova jisraq ċenteżmu wieħed biss tal-poplu Malti u Għawdxi. Mintoff kien jaf tajjeb ferm x’kien qiegħed jiġri madwaru u jkun ġust miegħu li tinkiteb il-veru storja ta’ Duminku Mintoff għaliex sa issa dan l-eżerċizzju, minkejja kotba maħruġa dwaru, għadu m’għamlu ħadd b’mod korrett u ġust. Jien din l-istorja nafha għaliex għamilt snin twal ħafna qrib ferm tiegħu. Kien jafdani ħafna, konna nsiefru spiss flimkien u biex iżomm l-attenzjoni tiegħi kien spiss ħafna jirrakkontali ħsibijiet… rakkonti ta’ esperjenzi li mhux faċli li wieħed qatt jista’ jimmaġina.
Jien qalbi tingħafas bil-fatt li mbagħad żvolġiet il-ġlieda Mintoff-Sant b’tal-aħħar spiċċa jakkuża lil tal-ewwel bħala “traditur”. Mintoff dik il-kelma weġġgħetu ħafna u baqgħet stallett ġewwa qalbu. Għax diverġenzi jkun hemm iżda Mintoff qatt ma ried iwaqqa’ lill-Gvern Laburista u kien min kien qiegħed imexxi l-Gvern Laburista li baqa’ għaddej b’politka ta’ sfida u waqqa’ lilu nnifsu.
Kont diżappuntat ħafna li f’dawn iż-żminijiet fil-Partit Laburita kien hemm min ried – anzi fittex – li jumilja lill-Perit Mintoff iżda l-Perit Mintoff f’dawn il-mumenti diffiċli kien sab l-għajnuna ta’ żewġ Ministri Nazzjonalisti… Guido de Marco u John Dalli. Nista’ ngħidlek ukoll li kien sab is-sostenn ukoll tal-Arċisqof Ġużeppi Mericieca li kienu jitkellmu spiss u li l-Arċisqof dejjem wiegħdu t-talb tiegħu.
Alfred Sant kien u għadu persuna integru u intelliġentissimu. Jien nirrispettah ħafna minkejja li kont ta’ sfida għalih u dik l-isfida ma kenitx waħda fuq livell personali għalih, imma għaliex kont nemmen li l-uniku triq għal Malta kienet is-sħubija għal Malta.
Naturalment kont nifhem ukoll li l-uniku alternattiva għal pajjiżna kienet kemm-il darba nsibu ż-żejt. U ż-żejt instab u niftakar tajjeb ħafna bħal qisu lbieraħ meta darba konna waqt laqgħa tal-Kabinet tal-Ministri u Alfred Sant innifsu kien poġġa id fuq oħra u kien qalilna li kellu informazzjoni li ż-żejt kien instab iżda kellna problemi kbar biex stajna nibdew intellgħu ż-żejt.
Għall-bidu kulħadd beda jaħseb li dawk il-problemi partikulari kienu minħabba l-Libja, imma l-problemi mal-Italja. Imma dan kollu ma kienx ingħad.
Alfred Sant niftakru jgħidilna li kienu nstabu żewġt ibjar – wieħed kbir u ieħor taħtu viċin tiegħu li kien ferm u ferm akbar… kien iddeskrivih bħala “enormi”..
Imbagħad niftakar li kien sar ir-referendum dwar id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u r-riżultat kulħadd jaf x’kien, iżda Alfred Sant baqa’ jwebbes rasu u l-Partit Laburista kien tilef il-Gvern. Alfred Sant dakinhar messu kien umli biżżejjed li poġġa fil-ġenb il-politika tiegħu ta’ “Żvizzera fil-Mediterran” u taħt argument jew ieħor idawwar ir-rotta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea. Imma dawk viċin tiegħu baqgħu jagħtuh pariri li ma kenux denji u hekk Alfred Sant kien spiċċa daħal fil-ħajt u l-Labour kien tilef il-Gvern.
Ħassejt u niftakar tajjeb li f’dawn iż-żminijiet lil Alfred Sant kien hemm min internament ried li jeħodlu postu u għalhekk bdew jagħtuh pariri bla sens li aktar kienu qed jagħmlulu ħsara… sal-punt meta lil Alfred Sant kienu tawh il-parir biex lill-Perit Mintoff – fl-argument li kien hemm bejniethom – “call his bluff”. Dak kien parir għalkollox żbaljat li l-intenzjoni tiegħu biss kienet li Alfred Sant jogħtor.
Ikun hemm min iqabbel lil Mintoff u lil Alfred Sant għax it-tnejn rashom iebsa, iżda d-differenza hi li filwaqt li Mintoff kien ikun kapaċi jbiddel fehemtu u jġib raġunijiet differenti għaliex ikun għamel hekk, Alfred Sant ma kienx kapaċi jiċċaqlaq pulzier mill-pożizzjoni oriġinali li jkun ħa… Alfred Sant jgħid le għall-Ewropa u jibqa’ jgħid le sakemm jispiċċa maħbut fil-ħajt.
Niftakar tajjeb ħafna li jien, Lino Spiteri u aktarx Evarist Bartolo bl-istil tal-parabboli tiegħu, konna favur is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Alfred Sant dan kien jafu sew u darba jien u Lino Spiteri konna tellajna l-argumenti tagħha fit-tmexxija tal-Partit biex il-Partit jibdew il-politika tiegħu dwar l-Ewropa u dwar il-VAT. Il-Ministri l-oħrajn kienu nqabdu fuq sieq waħda… iżda finalment Alfred Sant ma kienx iċċaqlaq mill-pożizzjoni tiegħu. Interessanti ferm kien li dak iż-żmien is-Segretarju tal-Kabinett kien George Abela li jiġi l-papa ta’ Robert Abela. Iżda dan dejjem kien jibqa’ b’fommu sieket u ma jgħaddi l-ebda osservazzjoni!
Biss ikollna naqblu li kemm Mintoff u anki Alfred Sant kienu mexxejja retti li żgur li ma kenux lesti li jisirqu lill-poplu Malti u Għawdxi kif l-istorja turina llum il-ġurnata.
Fl-isfond tal-korruzzjoni, tat-tixħim u tal-iskandli – ħemel minnhom – li feġġew fil-gżejjer Maltin f’dawn l-aħħar tnax-il sena, wieħed jisgħobbih ukoll dwar il-fatt li f’pajjiżna – bi ħsieb preċiż – spiċċajna b’istituzzjonijiet li litteralment ma jaħdmux u ma jiffunxjonawx. Jew għax ma jridux. Jew għax miżmuma milli jaħdmu. Jew għax anqas għandhom nies biżżejjed biex iservu fihom. Hi x’inhi r-raġuni għal dan il-verità hi li f’pajjiżna l-istituzzjonijiet m’għadhomx b’saħħithom u effikaċi biex b’effiċjenza jinvestigaw u jressqu persuni l-Qorti.
Jien li ħdimt fil-Kriminal u li allura għandi esperjenza vasta f’dan ir-rigward jiddispjaċini ħafna b’dan ix-xenarju. Ikolli nammetti li rajt ħafna affarijiet isiru li ġenwimanent ma kenux preċiżi, iżda dak li għext u rajt u esperjenzajt f’dawn l-aħħar tnax-il sena jixxokkjani fil-veru sens tal-kelma għaliex dawn mhumiex affarijiet sbieħ li xi Gvern jista’ jiftaħar bihom.
Mingħajr ma namplifika aktar dwar dan l-argument, ikolli nammettli li dawn il-kliem jispjegaw ftit dak li qiegħed inħoss… għafsa ta’ qalb għaliex is-soċjetà tagħna; il-poplu Malti u Għawdxi ma jixraqlux li jkun trattat b’dan il-moħħ fejn l-investigazzjonijiet isiru skont min int; skont jekk hemm green light jew le. Dik mhix serjetà għaliex darba tbagħbas ma’ li jkollok istituzzjonijiet serji, allura l-affarijiet jibdew imorru l-baħar u dan kollu jkun ta’ theddida għad-demokrazija u għas-serħan tal-moħħ.
Ikun ta’ diżappunt kbir jekk ikollok soċjetà suppost demokratika u ħielsa mill-irbit u mill-ankri għas-serħan tal-moħħ li flok fiha ssib istituzzjonijiet b’saħħithom u viġilanti biex iħarsu lill-istess soċjetà u lill-poplu, issib li dawn ikunu mixtrija, imnawra jew maħtufa.
Inħoss li quddiem dan kollu l-Partit Nazzjonalista jrid jaħdem u jistinka biex is-soċjetà tirritorna għan-normalità tagħha. Lil Bernard Grech nafu u għandi stima lejh. Naf li hu raġel sew u naf ukoll li Bernard Grech qiegħed juża l-politika biex iwettaq ħidma importanti kif wara kollox jixraq lil pajjiżna.
F’pajjiżna għandna diversi elementi tajbin u ġenwini iżda jeħtieġ li dawn kollha jiġbdu ħabel wieħed u jimmilitaw kontra l-ħażen u kontra l-ħażin. Ma jagħmilx sens li jkollhom ħafna enerġiji jaħdmu għal rashom jew li jagħmlu xogħol dublikat.
//= $special ?>