Is-27 ta’ Jannar tas-sena 2000, eżatt 25 sena ilu. Il-jum li fih seħħet traġedja li ħalliet tliet vittmi. U bil-ħajja ta’ qrabathom tinbidel mil-lejl għan-nhar.
Din it-traġedja ħasdet il-ħajja ta’ Carmel Ciappara, Joe Vella Parnis u Charles Camenzuli, li kienu qed jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni f’fossa fiċ-Ċirkewwa – bi tnejn mill-vittmi kienu niżlu biex isalvaw lill-oħrajn.
Din it-traġedja kienet spiċċat fuq il-faċċati tal-gazzetti kollha. Bil-ġurnal ‘In-Nazzjon’ kien tefa’ dawl fuq id-dulur li għaddew minnu l-qraba ta’ dawn il-ħaddiema.
Ma’ Net News, il-mara u t-tifla ta’ Joe Vella Parnis irrakkuntaw kif 25 sena ilu saru jafu li Joe kien proprju wieħed mill-vittmi li tilef ħajtu fiċ-Ċirkewwa.
Minn naħa tagħha, il-mara ta’ Joe Vella Parnis irrakkuntat kif siegħa biss qabel it-traġedja kien ċemplilha biex jara kif kienet it-tifla ż-żgħira u semmiet kif mal-mument li saret taf b’dak li seħħ fic-Ċirkewwa… bdiet taħseb fl-agħar xenarju possibbli.
Dakinhar Joe Vella Parnis kien qed jara li x-xogħol għaddej sew; iżda meta ra li wieħed mill-ħaddiema mitluf minn sensieh u ħaddiem ieħor li ma telax lura, huwa mar jara x’kien ġara – filwaqt li prova jagħti l-għajnuna. Iżda sfortunatament, Joe tilef ħajtu kaġun ta’ gass velenuż.
Ma’ Net News it-tifla ta’ Vella Parnis – viżibbilment emozzjonata – rrakkuntat kif ħajjitha nbidlet ta’ taħt fuq.
Il-ġerħa hija kbira, avolja għaddew dawn is-snin kollha. U issa, baqa’ biss il-memorji.
Jessica u ommha wrewna diversi ritratti ta’ Joe matul is-snin – missier eżemplari u raġel li kellu għal qalbu l-festa ta’ Santa Liena. Apparti minn hekk, għad għandhom ir-ritratt tiegħu bil-ħwejjeġ li sfortunatament kien liebes dakinhar tat-traġedja.
Net News tkellem ukoll ma’ ħu Carmel Ciappara li dakinhar tat-traġedja kien imsiefer u rrakkuntalna kif sar jaf li ħuh kien wieħed mill-vittmi. Infatti huwa qal li ma kinux qalulu bl-aħbar b’mod immedjat – iżda sar jaf meta wasal lura Malta.
Carmel ħalla vojt kbir għaliex fil-familja kien il-persuna li kien jgħin lil kulħadd.
Hu spjegalna kif ta’ kull sena komplew ifakkru l-memorja ta’ ħuh.
Intant, minn wara din it-traġedja kienu ttieħdu diversi passi sabiex waqt li tkun qed issir ħidma ta’ manutenzjoni jsir assessjar għal gassijiet tossiċi. Dan, filwaqt li ħaddiema li jkunu qed jagħmlu xogħol simili jkunu lebsin ħwejjeġ protettivi.
//= $special ?>