Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew David Casa se jingħaqad mal-Kumitat temporanju tal-Housing bħala membru sħiħ, filwaqt li l-MEP Peter Agius se jingħaqad mal-Kumitat għas-Saħħa Pubblika.
Il-Kumitat HOUS se jidħol fis-sitwazzjoni tal-housing madwar l-UE bil-għan li jaqsam l-aħjar prattiċi, titnaqqas il-burokrazija, u b’hekk jinċentiva l-ħolqien ta’ akkomodazzjoni ta’ kwalità għolja, sostenibbli u affordabbli.
“Is-sitwazzjoni tal-housing fiha nnifisha mhijiex kompetenza tal-UE, iżda hemm oqsma fejn l-azzjoni tal-UE tista’ tħalli impatt fuq l-affidabbiltà u l-aċċessibbiltà tal-istokk tal-akkommodazzjoni eżistenti u tal-ġejjieni. Ir-realtà hija li ż-żgħażagħ qed isibuha diffiċli ħafna li jakkwistaw dar tagħhom stess iżda anke s-sidien tad-djar eżistenti qed jiffaċċjaw pressjonijiet li jirriżultaw minn ċerti miżuri tal-UE, li min-naħa tagħhom jistgħu wkoll ikollhom impatt fuq is-suq tal-kera. Fejn l-UE tista’ taġixxi, għandha taħdem għall-ġid. U f’oqsma li mhumiex kompetenza tal-UE, nistgħu nwasslu bidla pożittiva b’rakkomandazzjonijiet speċifiċi u billi naqsmu mal-gvernijiet tal-aħjar prattiċi,” stqarr David Casa.
Il-Kumitat SANT li jiffoka fuq is-saħħa pubblika, se jingħaqad miegħu l-MEP Peter Agius. Il-Kumitat se jaħdem fuq farmaċewtiċi u apparat mediku, programmi u azzjonijiet speċifiċi fil-qasam tas-saħħa pubblika, it-tħejjija u r-rispons għall-kriżijiet tas-saħħa, is-saħħa mentali u d-drittijiet tal-pazjenti, l-aspetti tas-saħħa tal-bijoterroriżmu, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Mard u Kontroll u relazzjonijiet mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.
“Bis-sħubija tiegħi f’dan il-Kumitat irrid nagħti sinjal ta’ tama lill-pazjenti u l-familji Maltin li qed jaraw servizz tas-saħħa fi kriżi f’Malta u għadhom qed iħallsu għall-kuntratt frawdolenti tat-tliet sptarijiet. Fl-Ewropa se naraw li ngħinu lill-familji Maltin, inkluż dawk milquta mill-kanċer, mard tal-qalb u d-dijabete, billi niftħu opportunitajiet ta’ avvanzi mediċi u kura għall-Maltin f’pajjiżna u lil hinn minn xtutna,” ikkummenta l-MEP Peter Agius.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech feraħ liż-żewġ Ewroparlamentari tal-PN għal dawn ir-rwoli ġodda u qal li din hija turija tal-fiduċja li jgawdu l-MEPs tal-PN fuq livell Ewropew. Hija wkoll frott il-ħidma siewja li qed iwettaq il-PN f’diversi oqsma importanti anke fuq livell Ewropew.
//= $special ?>