Lokali Qorti

Diversi parruċċani oħra jixhdu favur l-Eks Kappillan Luke Seguna – jgħidu li l-knisja llum tinsab f’telqa

Wara li diversi parruċċani xehdu fil-passat favur ix-xogħol li kien jagħmel il-Kapillan Luke Seguna, li bħalissa jinsab wieqaf mid-doveri tiegħu, aktar persuni li joqogħdu fil-lokalità ta’ Marsaxlokk qalu li kemm ilu li tneħħa l-knisja tinsab f’telqa kbira.

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello kompliet tinstema’ il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront tal-eks kappillan ta’ Marsaxlokk, Fr Luke Seguna, li jinsab mixli b’akkużi relatati ma’ ħasil ta’ flus u li ħa mal-€500,000 lil madwar 150 parruċċan.

Fis-seduta tat-Tnejn, aktar parruċċani xehdu li kemm ilu li tneħħa Fr Luke Seguna minn kappillan, il-knisja tinsab f’telqa kbira u m’għadhiex li kienet. Ilkoll irrakkuntaw li kienu jagħtu miżata ta’ €10 fix-xahar lill-eks kappillan u li x-xogħlijiet li kien jgħid li se jagħmel, kienu jsiru.

Qalu wkoll li kemm ilu li telaq mill-parroċċa, ħafna anzjani spiċċaw maqfula f’darhom għaliex l-attivitajiet li kien jorganizzalhom ma baqgħux isiru. Waħda mill-parruċċani qalet li Fr Luke spiss kien ifakkar waqt l-avviżi, li min xtaq jara d-dokumenti relatati max-xogħlijiet u l-flus li ntefqu, dawn kienu aċċessibli għal kulħadd fis-sagristija.

Parruċċan ieħor qal li darba ta €800 lil Fr Luke sabiex isir il-ħġieġ tal-koppla tal-knisja u meta mistoqsi aktar dwar dawn il-flejjes sostna li mhux talli x-xogħol sar, talli Fr Luke kien jara kif se jagħti kontribut anke fil-festa u dejjem minn tal-ewwel biex jgħin lil kulħadd.

Meta l-prosekuzzjoni staqsiet lix-xhieda kollha dwar l-irċevuti, ilkoll qalu li dejjem ingħataw irċevuta. Ħareġ ukolll li meta ma kinux jingħataw irċevuta mill-ewwel, l-għada kienu jsibuha fil-kaxxa tal-ittri tad-dar tagħhom.

Madwar €148,000 ġew allegatament rintraċċati għal kumpaniji tal-ipproċessar tal-pagamenti marbuta ma’ sit tal-porn, filwaqt li l-Pulizija skoprew ukoll numru ċekkijiet li jammontaw għal madwar €18,000 maħruġa minn parti terza lill-qassis.

Il-każ ikompli.

L-Ispetturi Christopher Ellul u Lianne Bonello qed imexxu l-prosekuzzjoni, assistiti mill-Avukati Andrea Zammit u Ramon Bonello Sladden mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Seguna qed jiġi assistit mill-Avukati Matthew Xuereb u Alex Scerri Herrera. L-Avukati Stefano Filletti u Christina Sutton qed jidhru bħala parte civile għall-kurja.