Lokali Qorti

Il-goalkeeper tan-Nadur kien offrut job mal-Gvern jekk Qala Saints jirbħu l-kampjonat

Il-goalkeeper ta’ Nadur Youngsters, Steve Sultana, kien ġie offrut impieg mal-Gvern jekk huwa jħalli lill-avversarji jiskorjaw – biex Qala Saints jirbħu l-kampjonat.

Sultana bl-ebda mod ma ried li dan isir, u għamel rapport lill-President ta’ Nadur Youngsters dwar l-offerta li kellu.

Dan kollu seħħ fil-kampjonat Għawdxi tal-istaġun li għadda meta t-tellieqa għar-rebħ tal-kampjonat kienet bejn l-istess Nadur u Qala.

Il-President ta’ Nadur, l-Avukat Chris Said iffaċċja lil Leonard Camilleri dwar dan kollu. U rrekkordja dak li qallu dwar il-każ. Dan apparti li sar rapport lill-Pulizija.

Ma’ Leonard Camilleri, li huwa l-middleman fil-każ, qed jiġi mixli wkoll Manwel Xerri, il-persuna li allegatament bagħat lil Camilleri biex jikkorrompi lill-goalkeeper.

Ix-xhud ewlieni tal-ġurnata fil-Qorti ta’ Għawdex kien l-avukat Chris Said li qal li kien involut ma’ Nadur Youngsters fl-staġun 2023/24 u li sa Ġunju kien President tat-tim.

Tenna li f’Marzu tal-2024 kien imsiefer xogħol Parlamentari u rċieva messaġġ mingħand il-goalkeeper tat-tim ta’ Nadur Youngsters, Steve Sultana, li ried ikellmu b’mod urġenti. Qallu li jinsab imsiefer, bil-goalkeeper jinfurmah li dak li ried jgħidlu mhux affarijiet ta’ fuq it-telefon. Ftiehmu li meta x-xhud jasal lura Malta jiltaqgħu.

Dan kien is-6 ta’ ta’ Marzu 2024. Fi ftit kliem, Sultana qallu li kien ġie avviċinat minn Leonard Camilleri li kien reserve goalkeper ta’ Nadur u qallu dan qallu li jekk iħalli lil Qala jirbħu l-kampjonat għandu job mal-Gvern.

Tah id-dettalji fejn kellu jkun ix-xogħol. Dr. Said qal li dak iż-żmien Nadur u Qala kienu ras imb ras min jirbaħ il-kampjonat u wara li qallu dan kollu, ix-xhud beda jaħseb kif se jagħmel fuq din l-affari li ma riedx iħalliha torqod.

Fit-12 ta’ Marzu bagħat messaġġ lil Leonard Camilleri li kien jgħid, ‘prosit għalik’. Minn hemm ‘il quddiem Dr. Said qal li rċieva xeba’ telefonati minn Camillei f’kull ħin, sa anke fis-1am. Wara xi jiem bagħatlu diversi messaġġi biex ikellmu, imma x-xhud baqa’ ma jweġbux.

L-akkużat ma qatax qalbu u baqa’ jċempel. Ix-xhud tenna li fil-15 ta’ Marzu kellmu ċertu Joseph Buttigieg li l-istaġun ta’ qabel kien fil-kumitat tan-Nadur u qallu li kien iltaqa’ ma’ Camilleri fuq il-post tax-xogħol u li qallu li hu (Said) ma kienx qed jirrispondih.

Baqa’ jinsisti u ġie deċiż li fis-7pm tal-15 ta’ Marzu ltaqgħu fil-garaxx ta’ Buttigieg fin-Nadur, fejn hemm l-akkużat u Buttigieg kienu diġà hemm jistennewh. Camilleri qallu fi ftit kliem li kien avvċinah Manwel “ta’ Pulla”, li Said ma kienx jaf min hu.

“Però, kont naf li kien player tal-Qala minn wiċċu. Kien qallu li dan kien rah fejn il-heliport u qallu li xtaq ikellmu, semmielu xi serduk, u qallu “imma ma kienx serduk”. Dan għax f’xi ġurnata tal-weekend qabel Camilleri mar jiekol għandu u player ieħor tan-Nadur, sajru s-serduk u tefgħu ritratt tas-serduk fuq il-meżżi soċjali u kien dak il-ħin li ftehmu biex javviċinaw lil Sultana.

Manwel Xerri fil-heliport qallu li jixtieq ikellmu. B’ċajta qallu li se jiżżewweġ, u ltaqgħu għand omm Manwel stess u hemmhekk talbu biex javviċina lill-goalkeeper tan-Nadur u jagħtuh xogħol mal-Gvern jekk il-Qala jirbħu l-kampjonat.

Dan id-diskors kollu qalulu Manwel Camiller,i irrekordjah u għadda kopja lil MFA u lil Pulizija. Hu kien kellem lill-GFA li tawh in-numru ta’ Dr. Herman Mula, uffiċjal tal-MFA. Ċempillu fl-24 ta’ Marzu 2024 u talbu jkellem lill-goalkeeper biex jikkonfermalu hux lest li jixhed u dan aċċetta.

Wara dakinhar, Dr. Mula reġa’ ċempillu, kellmu u qallu li hemm biżżejjed biex jgħaddi l-każ lill-Pulizija. Fl-24 ta’ Marzu talbu wkoll il-kopja tar-recording, u qallu jistax jgħaddih lill-Pulizija, bl-avukat Said jgħidlu iva.

Ix-xhud qal li membri tal-Korp tal-FCID riedu jkellmu lill-goalkeeper involut u Said kien Malta, u mar bil-ferry mal-goalkeeper u missieru, u Steve Sultana talbu biex jidħol miegħu għaliex il-Pulizija kienu tawh il-caution u d-dritt tal-Avukat.

Dan għax qalulu li kien tard fir-rapport tiegħu skont il-liġi, u li jistgħu jittieħdu l-passi kontrih, iżda Steve Sultana xorta kien lest jgħid dak li għandu jgħid. Huwa rrepeta dak li kien qal lix-xhud. Meta bagħtu għal Said għall-verżjoni, għadda r-recordings lill-Pulizija flimkien mal-verżjoni tiegħu ta’ kif kien involut hu.

Dwar il-kampjonat Chris Said qal; ‘bqajna telgħin ras imb ras u fl-aħħar logħba Qala ġew u aħna rbaħna u għalhekk il-kampjonat baqa’ n-Nadur. Tenna wkoll li Steve Sultana rebaħ il-player tas-sena tal-GFA, xi ħaġa mhux normali, li goalkeeper jirbħa dan l-unur tant prestiġjuż.

Xehed ukoll Joseph Buttigieg li kien fil-kumitat tan-Nadur l-istaġun ta’ qabel. Qal li filgħodu kien xogħol u ltaqa’; ‘ ma’ Leonard Camilleri u qallu li jrid ikellem lill-goalkeeper, qallu bil-problema li kellu mal-goalkeeper u li ma qallux x’inhi. Qallu wkoll li kien qed iċempel lil Chris Said, imma mhux jirrispondi.

Għax ried jiltaqa’ miegħu. Ix-xhud qal li hu ċempel lil Chris Said u ftehmu fis-7pm biex imorru l-garaxx ta’ Buttigueg. “Ħsibt li kienet kwistjoni mal-goalkeper Steve Sultana, ħallejthom jitkellmu b’mod personali u komplejt fuq xogħli. Xil-11.30 ċempilli Leonard Camileri u staqsini jekk Chris irrekordjanix? Ma nafx kienet it-tweġiba.

Fis-seduta preċedenti l-Ispettur tal-Pulizija Wayne Borg, li qed imexxi l-prosekuzzjoni, kien ta x-xhieda fil-Qorti fil-kumpilazzjoni li qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech, fil-konfront ta’ Manuel Xerri ta’ 31 sena u Leonard Camilleri ta’ 39 sena, it-tnejn mix-Xewkija.

L-inċident huwa relatat ma’ logħba futbol f’Għawdex bejn Nadur Youngsters FC u Qala Saints f’Marzu li għadda. L-Ispettur Borg kien qal li l-investigazzjonijiet irriżultaw li l-player tal-Qala Saints, Manuel Xerri, uża lill-plejer tan-Nadur Leonard Camilleri biex javviċina lill-goalkeeper tat-tim tiegħu, Steve Sultana, biex jgħin lit-tim tal-Qala jirbaħ il-logħba kruċjali permezz ta’ tixħim. Camilleri kien jilgħab man-Nadur u kien ħabib ta’ Sultana.

Skont l-Ispettur Borg, il-premju ta’ Sultana talli jħalli ballun jidħol fix-xibka tiegħu u b’hekk jgħin lil Qala Saints jirbħu l-partita, kellu jkun “xogħol mal-gvern bil-kundizzjoni li jitħallas mingħajr ma qatt imur jaħdem għal sena sħiħa.”

Il-goalkeeper tan-Nadur irrifjuta l-offerta tal-futboler tal-Qala Saints u rrapporta l-każ lill-awtoritajiet tal-futbol f’Għawdex. S’issa għadu mhux ċar kif Manuel Scerri, suldat u sid ta’ ristorant ta’ 31 sena, kellu l-awtorità li joffri lil xi ħadd xogħol fil-gvern. Il-President tal-Qala Saints FC huwa Noel Mizzi, ix-xufier tal-Ministru t’Għawdex Clint Camilleri.

Il-footballer żagħżugħ tal-Qala Saints, Manuel Xerri, magħruf bħala ‘il-Pullu’, huwa karattru magħruf fix-Xewkija. Minkejja l-età żgħira tiegħu, għandu diversi negozji, fosthom ir-Rendezvous Bar and Grill fi Pjazza tax-Xewkija, li għalaq il-bibien tiegħu ftit ġimgħat ilu biss.

Għal Camilleri qed jidher l-Avukat Frank Anthony Tabone filwaqt li għal Xerri qed jidher l-Avukat Charlon Gouder. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Wayne Rodney Borg.

Il-każ se jkompli fl-10 ta’ Marzu f’nofsinhar.