Lokali Saħħa

Il-MAM twaqqaf temporanjament l-azzjonijiet

Wara laqgħa ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-Gvern u l-MAM għad m’hemmx ftehim finali.

Fl-aħħar jiem, is-settur tas-saħħa kompla jinżel għarkupptejh, hekk kif il-Gvern, mingħajr ebda diskussjoni mal-assocjazzjoni tat-tobba, implimenta l-outsourcing fid-dipartiment tal-emerġenza. Dan kollu mingħajr ebda protocol ta’ kif tabib għandu jiddeċiedi liema pazjenti se jkunu qed jintbagħtu lejn sptarijiet privati minn Mater Dei.

Apparti minn hekk, il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija Martin Balzan, elenka problema oħra ta’ inkwiet fis-settur tas-saħħa; dik tan-nuqqas ta’ tobba fiċ-ċentri tas-saħħa. U kien għal dawn ir-raġunijiet li intalbet laqgħa oħra mal-Gvern – laqgħa li saret matul il-jum tat-Tnejn, fejn il-partijiet għamlu progress.

Kienet il-MAM illi fl-aħħar ġimgħa pprovdiet numru ta’ soluzzjonijiet – li wħud minnhom jiġu bi prezz.

Bil-Gvern jistqarr li “m’għandux minn fejn”.

Net News tkellem ma’ Martin Balzan li spjega li matul il-ġurnata tat-Tnejn saret laqgħa ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-Gvern u l-assocjazzjoni tat-tobba, iżda sa issa jidher li ma ntlaħaqx ftehim finali bejn il-partijiet.

Minkejja dan, bħala turija ta’ rieda tajba, l-assocjazzjoni se tkun qed tipposponi d-direttivi li kienu pjanati għat-Tlieta 28 ta’ Jannar – u issa huma skedati għall-Ġimgħa 31 ta’ Jannar, fejn matul il-ġurnata se jkunu qed jinfetħu biss tliet ċentri tas-saħħa f’pajjiżna.