Il-Parlament Malti fakkar it-80 sena mil-liberazzjoni ta’ Auschwitz b’messaġġ qawwi biex ikun assigurat li d-dinja qatt ma terġa’ ġġarrab dak li seħħ.
F’din il-kommemorazzjoni tkellmu d-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici u l-Ministru Owen Bonnici u sar diskors mid-Deputat Speaker David Agius.
Fid-diskors tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal li mill-2012 fil-Parlament daħħalna fis-sistema tagħna li fis-27 ta’ Jannar nieqfu biex infakkru x-Shoah.
Il-jum li fih niftakru fid-diversi ħutna bnedmin, l-iktar Lhud, li nqatlu fil-kampijiet tal-konċentrament. Mument li jikkundanna għall-estremiżmi fuq l-oħra għarfien li aħna parti mis-sistema demokratika li fiha l-bniedem għandu drittijiet fundamentali u libertajiet, fejn kull persuna ġej min fejn ġej għandu d-dinjità tiegħu.
Nikkommemoraw f’Ewropa li qisha trid tinsa dak li hija. Tinsa l-għeruq tagħha dawk li sawruha, dawk insara. Ewropa li aħna rriduha tikber aktar u tissoda ferm aktar fil-valuri tagħha ħa tibqa’ dawl ta’ ċiviltà fid-dinja.
Wieħed important fih innifsu aktar u aktar illum li huwa t-tmenin anniversarju minn dak il-mument ta’ liberazzjoni imma wkoll l-iktar ta’ għarfien ta’ dak kollu li kien seħħ fil-qtil ta’ bnedmin innoċenti. Dan għax nemmen li għandna numru ta’ dmirjiet f’dan illum.
Hu qal li l-ewwel dmir li rridu ngħidu x’gara. Dan huwa veru kif kull min qara l-istorja jaf. Kull min qara kitbet bnedmin bħala Hannah Arendt, jafu li huwa veru n-Nazziżmu kien fassal pjan biex jeqred dawk il-bnedmin kollha li kienu Lhud.
Pjan biex joqtol bl-iktar mod ikrah, malajr, sistematiku persuni ta’ liema età għandhom. Trabi, tfal, żgħażagħ, nisa rgiel, anzjani ttieħdu fil-kampijiet tal-konċentrament u nqatlu mingħajr raġuni ta’ xejn salv r-razza tagħhom. Ivvintaw l-iktar mezzi kundannabbli biex qatlu bnedmin bħalhom.
Hu qal li l-poplu għandu jfakkar li huwa veru li kien hemm diversi kampijiet tal-konċentrament Auchuwitz, Birgen-Belsen, Buchenwald, Dachau, u diversi oħrajn. Huwa veru li nqatlu sitt miljun persuna kif l-istess rekords Nażisti wrew.
Huwa veru li ttieħdu fil-kmamar tal-gass tfal, guvintur nisa, irġiel. Huwa veru li nħarqu l-iġsma tagħhom. Huwa veru li nqatlu diversi billi ġew fuċillati u midfuna f’daqqa. Huwa veru li dawn l-persuni tneħħitilhom kull dinjità, ħadulhom kull oġġett personali, qaxxruhom min kull dinjità u lanqas isimhom ma ħallewlhom u tawhom biss numru stampat fuq idhom. Dan kollu huwa veru seħħ.
Għandna dmir għalhekk proprju fil-jum meta tmenin sena ilu s-suldati mis-sittin armata tal-ewwel Front Ukren parti, mill-Armata Russa, illiberaw il-post fejn inqatlu madwar miljun persuna fil-kamp tal-konċentrament ta’ Aushwitz dak li kien l-ikbar kamp. Niftakru fihom u nfakkru biex ma nagħmlux l-iżball li n-Nazziżmu jridna nagħmlu, dak li nikkunsidraw lil bnedmin oġġetti. Niftakru għax dawkil-Lhud ħaqqhom niftakru fihom. Ma kienx ħaqqhom hekk.
Id-deputat Nazzjonalista qal li għandna niftakru aktar kemm huwa żbaljat in-Nazziżmu. Kemm huwa ħażin il-lemin estrem u kemm huwa żball min jipprova jġibu b’xi mod lura. Niddikjaraw li dan huwa żbaljat u nfakkru f’kemm huwa kriminali li wieħed jgħid li dan ma seħħx.
Għandna d-dmir li nassiguraw li l-lezzjonijiet jittieħdu. Dak li seħħ huwa dak li m’għandu qatt jerġa’ jseħħ. Nifhmu li dan ġara proprju għax kien hemm politiċi li fil-mibegħda li żergħu ġabu bnedmin mhux biss jobogħdu oħra inġustament imma jikkunsidrawhom li mhumiex entitajiet, inferjuri. Dawk li biex wettaqu dan użaw il-ligi wkoll u daħħlu diversi liġijiet razzjali li bihom eskludew u ppratikaw persekuzzjoni mill-iktar atroċi.
Nieħdu tagħlima għax għandna nżommu quddiemna li dan kollu jista’ jerġa’ jseħħ fil-politika tagħna u tad-dinja. Jew direttament bħalma qed naraw f’dawk li qed fid-demokraziji tagħna jidhru qed jersqu lura lejn l-estermiżmu tal-lemin.
Carm Mifsud Bonnici qal li għandna li dawk li jfaħħru mill-ġdid direttment u indirettament din il-linja politika żbaljata jaqgħu fl-istess fond uman.
Niftakru li dan jista’ jseħħ meta nittrattaw oħrajn fis-socjetà qishom mhuma xejn jew inkella b’nuqqas ta’ tolleranza ħajja. Inkella meta nilagħbu mill-ġdid mal-ħsieb li l-bniedem jista’ jesperimenta mal-ħajja. Jaħseb li għandu l-poter li fil-libertà jwaqqaf il-ħajja ta’ oħrajn fil-bidu jew fit-tmiem tagħha.
Nassiguraw f’dan li wliedna jiġu mħajra jaqraw dak li dawk li baqgħu ħajja kitbu bħal Primo Levi, Liliana Segre, Viktor Frankl, Hannah Arendt, Tadeuz Borowski u diversi oħra. Inħajru, norganizzaw u nittrażmettu kull sena fl-iskejjel tagħna u fuq l-midja tal-pajjiż dokumentarji li jfiehmu l-ħażen ta’ dak li seħħ u kemm irridu nkunu attenti llum.
Il-poplu hu fid-dmir li nassiguraw li b’dan kollu nibqgħu niftakru fihom. Hi Jum il-Memorja mhux bħall-oħrajn. Jum li jinqala’ mit-trab passat imma wieħed li għadu ħaj magħna. Hi kif jgħid Hans Kung: “non si tratta qui del passato isolato e astratto, ma della cura di un complesso del passato. Si tratta di quel passato che non vuole passare, di un passato che condiziona ancora il presente”
Għandna dmir f’dan il-post li nagħtu eżempju għalhekk ukoll li dak li qiegħed isir mertu tal-inizjattivi tal-Ispeaker, jidħol bil-liġi fis-sistema legali tagħna bħalma għamlu oħrajn diġà qabilna. Sabiex ħadd għada pit għada ma jitħajjar ineħħiha. Anzi biex nassiguraw li kull sena jkun hemm seduta sħiħa dedikata għal dan u li jinġiebu bnedmin li jew huma jew uliedhom jistgħu jixhdu dwar dak li ġarrbu.
Pajjiżna ma rax dan iseħħ f’artna, imma dan ma jfissirx li ma jistax ikun hemm min jitħajjar jammira dawk li wettquhom. Proprju għalhekk jekk għadna rridu demokrazija aktar b’saħħitha, irridu nibqgħu nfakkru u nfakkruhom, sostna Carm Mifsud Bonnici.
Fid-diskors tiegħu d-Deputat Speaker David Agius qal li kull sena, il-Parlament jagħmel tifkira tal-Olokawst. Din mhijiex sempliċiment xi ħaġa li ssir bħala tradizzjoni. Huwa importanti li niftakru fl-atroċitajiet li ġraw biex niżguraw ruħna li ma jerġgħux jiġru. F’dan il-jum, il-komunità internazzjonali tfakkar it-tbatija li għaddew minnha miljuni ta’ nies fit-Tieni Gwerra Dinjija – tant imwiet, tant nies li ġew ittorturati, tant familji mkissra u trawmatizzati.
Sfortunatament f’dawn l-aħħar xhur, rajna tbatija simili fil-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina. Minkejja li s-sitwazzjoni ma kinitx l-istess, xorta waħda rajna u smajna b’eluf ta’ vittmi, ħafna minnhom nisa u tfal innoċenti. Illum qed nisimgħu fuq waqfien mill-ġlied, però kellhom jintilfu tant ħajjiet u ssir tant ħsara biex wasalna s’hawn? Wieħed jistaqsi “l-Olokawst ma kienx biżżejjed biex nitgħallmu?”
Id-dinja, illum iktar minn qatt qabel, saret multikulturali. M’għadniex ngħixu fi żmien fejn kulħadd jibqa’ fil-post fejn twieled jew fejn trabba’. Irridu nadattaw għaż-żminijiet u nirrealizzaw li kull persuna għandha valur, ġejja minn fejn ġejja, tagħmel x’tagħmel, hi x’inhi l-kultura, l-orjentazzjoni sesswali jew ir-reliġjon tagħha.
Aħna l-politiċi għandna responsabbiltà kbira f’dan il-qasam, speċjalment fejn jidħlu opinjonijiet estremisti. La għandna nkunu aħna li noħolquhom, u iktar minn hekk, għandna nkunu aħna li naħdmu biex l-għeruq tagħhom ma jinfirxux madwarna. Illum uliedna qed jgħixu realtà differenti minn dak li għexna aħna ħafna snin ilu. Illum komuni mmens li fi skola ssib numru ta’ tfal ta’ pajjiżi, reliġjonijiet u kulturi differenti.
David Agius sostna li wliedna qed jikbru u jaħdmu f’pajjiż multikulturali. Filwaqt li sar ħafna progress, irridu nkomplu naħdmu biex kulħadd ikun inkluż, u ħadd ma jiġi emarġinat għax jidhrilna li hu ‘differenti’. Ejjew naħdmu flimkien għal iktar progress biex inkunu nistgħu ngħidu b’wiċċna minn quddiem li aħna konna parti minn futur ta’ paċi u inklużjoni għal kull min jgħix fil-gżejjer tagħna.
//= $special ?>