Għawdex Knisja Lokali

Il-parroċċa ta’ San Ġorġ se torganizza funeral għal erba’ persuni li ħadd m’għamlilhom ċerimonja funebri

Nhar l-Erbgħa li ġej, 29 ta’ Jannar, il-parroċċa ta’ San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex, se torganizza l-funerali ta’ Raymond Balzan, Anthony Borg, Valerie Jean Austin, u Albert Tanti.

Dawn huma erbgħa minn għadd ta’ persuni li ħadd m’għamlilhom funeral. U l-parroċċa Għawdxija xtaqet li tagħmel minn kollox biex isirilhom funeral f’komunità.

Fuq Facebook, il-Bażilika ta’ San Ġorġ spjegat li wara li għadda ż-żmien ta’ xahrejn mill-mewt u ħadd ma resaq biex jagħmlilhom funeral, iddeċiedew li jippruvaw “jadottawhom”. Bil-parroċċa tirreferi għal dan l-att bħala “opra ta’ karità”.

Dan ifisser li l-parroċċa tkun ħadet f’idejha l-organizzazzjoni u l-ispejjeż li torganizza l-funerali lil dawn il-bnedmin. Barra minn hekk, se jipprovdu wkoll li jindifnu fl-oqbra li l-parroċċa għandha fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija.

“Din hi opra ta’ karità. Grazzi lil dawk li qed iħossu l-bżonn li jkunu parti u jgħinuna fl-ispejjeż u f’ħolqien ta’ fond għal każijiet simili.”