Lokali Parlament

Il-PN ikkonferma l-parteċipazzjoni fil-Kummissjoni dwar ‘il-Viżjoni 2050’… Silvio Schembri mhux korrett fil-Parlament

Il-Ministru Silvio Schembri ma qalx il-verità fil-Parlament illejla dwar il-parteċipazzjoni tal-PN fil-Kummissjoni dwar Viżjoni 2050 meta allega li l-Kap tal-PN Bernard Grech ma kienx indika li l-PN se jipparteċipa f’din il-Kummissjoni. Dan għaliex fil-fatt il-Kap tal-PN Bernard Grech iddikjara mal-istess Silvio Schembri li l-PN se jipparteċipa f’din il-Kummissjoni.

Kien fil-ħin tal-mistoqsijiet tas-seduta parlamentari tal-lum li l-Ministru Silvio Schembri indika li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ma kienx ikkonferma l-parteċipazzjoni tal-PN fuq dan il-kumitat.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar ġibed l-attenzjoni tal-Ministru Silvio Schembri li dan ma kienx minnu għaliex fil-fatt il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kien ikkonferma din il-parteċipazzjoni f’korrispondenza li għaddiet.

Fil-fatt, il-Kap tal-PN Bernard Grech ikkonferma l-parteċipazzjoni tal-PN f’din il-Kummissjoni fl-14 ta’ Jannar 2024.