Lokali

“Ippubblika d-dikjarazzjonijiet u ibda konsultazzjoni pubblika” – Repubblika

“Ieqaf qarraq dwar id-dikjarazzjonijiet tad-dħul u tal-assi tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari”.

Kien dan li stqarret l-għaqda Repubblika, f’ittra li ntbagħtet lill-Prim Ministru Robert Abela, fejn spjegaw li wara ruling tal-Ispeaker, il-Prim Ministru u l-Gvern tiegħu ddeċidew li jwaqqfu d-drawwa li jagħtu kopja tad-dikjarazzjonijiet tal-assi u l-interessi li għandhom, dan kollu skont Artiklu 7.3 tat-Tieni Skeda tal-Att dwar l-istandards fil-Ħajja Pubblika.

Intant, fl-ittra ġie spjegat li l-Artiklu jgħid ukoll li bħala uffiċjali pubbliċi għandhom ikunu ispirati mill-valur tat-trasparenza. U bl-aġir tal-Prim Ministru u tal-Gvern, huwa ċar, li qed jinkisru l-Kodiċi tal-Etika.

Fl-ittra, l-għaqda rreferiet ukoll għall-kummenti li ta l-Prim Ministru fis-26 ta’ Jannar fejn stqarr li qed jaħseb sabiex ineħħi d-dikjarazzjonijiet speċifiċi li jagħmlu l-Ministri u għaldaqstant jiżdiedu l-obbligazzjonijiet ta’ dikjarazzjonijiet tad-deputati kollha tal-Parlament, u allura l-Ministri jagħmlu dikjarazzjonijiet bħall-oħrajn. Kliem li kien deskritt mill-għaqda bħala qerq sfaċċat.

L-għaqda spjegat li filwaqt li ma għandha l-ebda oġġezzjoni jekk tiżdied it-trasparenza għad-deputati kollha, hu loġiku li d-dikjarazzjonijiet tal-Ministri jkunu differenti minn dawk ta’ kwalunkwe deputat ieħor. Dan għaliex deputat huwa part-time, u hu mistenni li jkollu dħul finanzjarju ieħor, iżda Ministru huwa full-time.

U minkejja, li l-għaqda stqarret li temmen li d-deputati wkoll għandhom ikunu fuq bażi full-time, huwa pass loġiku, la sa issa, dan mhux minnu, il-Ministri għandhom jixħtu dikjarazzjonijiet differenti.

Ġie spjegat ukoll li, l-Ministri għandhom f’idejhom responsabbiltajiet għall-amministrazzjoni ta’ flejjes pubbliċi u opportunitajiet ta’ korruzzjoni fuq skala li ma tistax titqabbel ma’ dawk ta’ deputati li mhux Ministri.

Bl-għaqda tappella lill-Prim Ministru, sabiex iħalli s-sistema antika, filwaqt li jtejjibha u mhux iċajpar il-livell ta’ trasparenza tal-lum.

Intant, l-ittra tistqarr li meta Gvern inaqqas it-trasparenza, juri li għandu x’jaħbi, u għalhekk l-għaqda qed tappella sabiex Robert Abela jippubblika dikjarazzjonijiet aġġornati tal-assi, u l-interessi tiegħu u tal-membri tal-Gvern filwaqt li jibda konsultazzjoni pubblika dwar kif għandha tiżdied it-trasparenza fl-amministrazzjoni pubblika.