Kienu bosta dawk li kkundannaw in-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern sabiex titjieb is-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna. B’sens kbir ta’ frustrazzjoni, partikolarment minħabba t-tul esaġerat ta’ żmien li qed jittieħed sabiex jibdew proċeduri kriminali, jew ġurijiet.
Din il-kontroversja kompliet tikber wara l-bail li ngħata Yorgen Fenech fl-aħħar jiem – għalkemm bosta irrimarkaw li dan ma kienx każ iżolat.
Din id-darba, kienet Daniela Pandolfino li tkellmet pubblikament – oħt Chris Pandolfino li kien inqatel f’każ ta’ omiċidju doppju li seħħ kważi ħames snin ilu, fejn hu flimkien mal-partner tiegħu Ivor Maciejowski, inqatlu brutalment fid-dar tagħhom f’Tas-Sliema.
Oħt il-vittma stqarret fuq il-midja soċjali li s-sistema hija totalment imfarrka. Fejn fakkret, li dawk akkużati bil-qtil brutali ta’ ħuha u l-partner tiegħu, huma eliġibbli għall-ħelsien mill-arrest fi ftit xhur – b’wieħed minn dawk akkużati kien diġà ngħata l-ħelsien mill-arrest wara l-omiċidju.
Pandolfino, b’niket kbir, stqarret li issa għaddew kważi ħames snin, u l-familja ma tafx kif se tkun qed tgħix ġaladarba l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest. Fejn spjegat li laħaq anke miet missierhom… mingħajr ma ra ġustizzja għat-tifel tiegħu.
Hija nsistiet li s-sistema falliet lil bosta, b’dawk milquta jsofru għal snin twal.
Matul l-aħħar jiem, wara li Yorgen Fenech ingħata l-ħelsien mill-arrest ħames snin wara li ġie akkużat bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, kienu ħafna dawk li esprimew id-diżappunt tagħhom għall-fatt li s-sistema mhux qed issarraf f’ġustizzja… u li l-Gvern mhu jagħmel xejn sabiex itejjeb din ir-realtà.
Fil-fatt, fl-edizzjoni tal-Ħadd… il-gazzetta MaltaToday qalet bl-aktar mod ċar li l-Gvern ilu sentejn li wiegħed riforma fis-sistema tal-ġustizzja. Iżda huwa evidenti li raqad fuqha.
//= $special ?>