Basketball Sport

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa: Rebħ għal Bettson Depiro u Caffè Moak Luxol qabel il-konfront dirett

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Hibernians 37

Starlites JSD 68

(11-17)(15-17)(4-15)(7-19)

Starlites JSD  kellhom wirja pożittiva kontra Hibernians biex ħadu t-tmien rebħa tagħhom fil-kampjonat u saħħew it-tielet post tal-klassifika. Bil-maqlub, il-wirja ta’ Hibs kienet diżappuntanti u s’issa l-bidla fit-tmexxija teknika ma ħallietx il-frott mixtieq mid-diriġenti tal-club. 

Minkejja dan, il-bidu tal-partita kien favorevoli għall-Pawlisti li bil-punti ta’ Maria Bonett u Steffi De Martino marru 8-2 minn fuq. Starlites, però, irkupraw u għamlu 11-il punt mingħajr risposta minn Ylenia Bonett, Makaila Napoleon u Pippa Riolo, fost l-oħrajn, biex temmew l-ewwel sessjoni minn fuq 16-12.

Il-ftuħ tat-tieni taqsima ra lil Starlites ikabbru l-vantaġġ wara trippla ta’ Sasha Lecuyer u punti minn Napoleon. Hibs dehru li se jirkupraw meta għamlu run ta’ 15-2 permezz tal-Amerikana Ashiala Jackson u Bonett biex waslu sa basket ‘il bogħod mill-avversarji 28-30. Lecuyer u Napoleon wieġbu għal Starlites biex fl-intervall kien hemm distakk ta’ sitt punti favur Starlites 34-26.

Fit-tielet sessjoni Hibs ma setgħux jinfdu d-difiża ta’ Starlites tant li għamlu biss żewġ baskets minn Andie Saliba u Jackson speċjalment minħabba sensiela ta’ turnovers. Minn naħa tagħhom, Starlites kellhom fost l-oħrajn run ta’ 11-0 bil-punti ta’ Lecuyer, Ylenia Bonett u Catherine Vella għal skor ta’ 49-20.

Fl-aħħar taqsima, kien hemm it-trippli minn De Martino għal Hibs, u Zammit Cordina u Napoleon għal Starlites. Kien hemm ħin għal players ta’ fuq il-bank fosthom Emma Jo Degiorgio li niżżlet isimha fost l-iskorers. Starlites għalqu l-partita b’sitt punti mingħajr risposta biex finalment ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 68-37.

Hibernians: M. Buhagiar,  S. Vella, E. Cassar , A. Saliba 6, J. Abela, M. Bonett 3, S. De Martino 9, K. Calleja, N. Farrugia, A. Jackson 13, K. Caruana 2, J. Dabic4.

Starlites  JSD: S. Lecuyer 12, M. Riolo 4, P. Riolo 4, M. Zammit Cordina 10, S. Tabone, M. Fenech, M. Napoleon 26, C. Vella 2, F. Vella 2, E. Degiorgio 2, C. Curmi, Y. Bonett 8.

Referees: Nicky Azzopardi,  Andre Attard

Valletta Lioneses 41

Caffè Moak Luxol 87

(6-18)(18-12)(8-24)(9-33)

Caffè Moak Luxol reġgħu laħqu momentarjament lil Bettson Depiro meta għelbu lil Valletta 87-41. Il-partita ġiet deċiża wara l-intervall u primarjament grazzi għal prestazzjoni oħra tajba ta’ Brandi Huffhines li kellha 6 three pointers f’total ta’ 25 punt. Sfortunatment il-partita iddeġenerat lejn it-tmiem b’sensiela ta’ fouls antisportivi minn naħa ta’ Valletta f’mument fejn ir-riżultat kien diġa deċiż.

Luxol ma setgħux jiftħu b’mod aħjar hekk kif bdew bi 15-il punt mingħajr risposta. Minbarra żewġ trippli ta’ Huffhines, kien hemm ukoll punti minn Vanya Baldacchino, Josephine Diaby flimkien ma’ Sarah u Anna Fenech Pace. L-ewwel punti ta’ Valletta ġew minn Alexia Nikishina flimkien ma’ Alexia Parnis u Olesia Malashenko bil-Luxol jagħlqu bi trippla ta’ Huffhines għal skor ta’ 18-6.

Fit-tieni perjodu kien hemm żewġ trippli ta’ Malashenko biex Valletta naqqsu d-distakk għal seba’ punti 13-20. Wara punti fuq kull naħa, kien hemm break qasir minn Valletta ta’ 6-2 għal skor ta’ 24-30.

It-tielet taqsima fetħet bil-punti ta’ Malashenko, però minn hawn ‘il quddiem Luxol bdew jiddominaw hekk kif għamlu break ta’ 12-2 b’żewġ trippli ta’ Huffhines flimkien ma’ Diaby u Baldacchino. Valletta kellhom risposta minn Nikishina u Hayley Grixti, però Luxol għamlu run oħra ta’ 12-0 biex temmew it-taqsima 54-32 minn fuq.

Fl-aħħar taqsima kien hemm run oħra ta’ 11-2 minn Luxol bi trippli minn Huffhines u Baldacchino. Mal-ħin Valletta bdew jitilfu l-players bil-fouls fosthom lil Malashenko biex Luxol baqgħu jiddominaw minkejja l-preżenza ta’ players ta’ fuq il-bank fosthom Rebecca Naudi, Ella Abela u Gwen Carabott li kisbu l-aħħar punti tagħhom hekk kif ħarġu rebbieħa 87-41.

Valletta Lioneses: A. Parnis 3, S. Abugrin, N. Caruana 4, A. Nikishina 8, H. Grixti 2, T. Nikishina 1, S. Kankaras 12, O. Malashenko 11.

Caffè Moak Luxol: G. Carabott 3, L. Fenech Pace 5, M. Marmara 1, N. Vella 5, J. Said, E. Abela 4, S. Fenech Pace 4, J. Diaby 11, B. Huffhines 25, V. Baldacchino 17, R. Naudi 8, A. Fenech Pace 4.

Referees: Miguel De Flavia, Andre Attard

Athleta 57

Betsson Depiro 80

(9-27)(15-15)(15-19)(18-19)

Kif mistenni, Betsson Depiro rritornaw fl-ewwel post wara li għelbu lil Athleta 80-57. It-tim immexxi minn Julian Naudi ddomina l-ewwel sessjoni u minn hemm ‘il quddiem ikkontrollaw tajjeb tul il-partita kollha.

Depiro bdew bl-ewwel sitt punti mis-solita Janai Crooms, però Athleta kellhom risposta minn Laura Camilleri u Kennedi Williams u naqqsu d-distakk għal punt 5-6. Depiro kellhom mument mill-aqwa bi break ta’ 21-2 fosthom tliet trippli ta’ Kristy Galea u aktar punti ta’ Crooms minn offensive rebounds biex temmew l-ewwel sessjoni 27-9 minn fuq.

It-tieni taqsima kienet aktar bilanċjata tant li ntemmet f’parita ta’ 15-15. Athleta fetħu bi trippla ta’ Martina Ferrante u punti minn Williams qabel ma Depiro għamlu sitt punti mingħajr risposta minn Julia Borg Xerri, Hannah Farag u Julia Borg. Athleta għaqqdu break qasir ta’ 8-2 bil-punti ta’ Williams u Kaya Abela, però Depiro għamlu l-aħħar sitt punti tat-taqsima għal skor ta’ 42-24 fl-intervall.

Fit-tielet sessjoni kien hemm aktar punti ta’ Crooms għalkemm Athleta kellhom trippla minn Britney Agius.  Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin għalkemm lejn tmiem il-perjodu Depiro rnexxielhom jagħmlu run ta’ 7-0 għal skor ta’ 61-39.

Depiro komplew fil-ftuħ tal-aħħar taqsima bi 8 punti oħra bi trippla ta’ Leanne Sciberrs. Athleta wieġbu bi break ta’ 11-0 fosthom trippli minn Francesca Sant u Ferrante biex naqqsu d-distakk għal 19-il punt 50-69. Iż-żewġ coaches taw spazju lil players żgħażagħ ta’ fuq il-bank biex il-punti komplew ġejjin fuq kull naħa u finalment Depiro ħarġu rebbieħa 80-57.

Athleta: K. Williams 13, B. Agius 9, M. Ferrante 8, N. Vella, M. Cassar Pickard, F. Sant 8, A. Micallef 2, J. Cipriott  4, Ke. Abela 2, C. Caruana 2,  Ka. Abela 2, L. Camilleri 7.

Betsson Depiro:  J. Borg 5, L. Catania, Ni. Agius 6, J. Borg Xerri 2, L. Sciberras 6, No. Agius 5, C. Ciantar 2, M. Micallef, N. Borg, K. Galea 13, H. Farag 7, J. Crooms 35.

Referees: Nicky Azzopardi, Wendell Lim