Lokali Qorti

Kuntistabbli mmultata €20,000 wara li użat tagħrif kunfidenzjali tal-Korp

Pulizija ġiet immultata €20,000 wara li nstabet ħatja li użat tagħrif tal-Korp biex fittxet fuq persuni mingħajr ma din it-tfittxija kienet marbuta b’rabta ma’ investigazzjoni. Madankollu, il-Qorti ma ordnax l-interdizzjoni ġenerali tagħha, kif talbet il-prosekuzzjoni, għax qalet li l-multa ma kinitx taqbeż it-€23,293 jew l-erba’ snin ħabs.

Adeleide Ellul, ta’ 42 sena mir-Rabat, kienet mixlija li f’Ġunju 2021, u fix-xhur ta’ qabel, użat kompjuter mingħajr awtorizzazzjoni; li ħadet tagħrif minn fuqu mingħajr awtorizzazzjoni; li mingħajr awtorizzazzjoni kixfet informazzjoni u li bħala kuntistabbli tal-Pulizija għaddiet tagħrif li ma kellux joħroġ.

Il-Maġistrat Kevan Azzopardi sema’ kif f’kawża fil-Qorti kontra raġel, id-difiża għamlet mistoqsijiet dwar min ressaq ir-rapport kontrih. Dawn il-mistoqsijiet wasslu biex il-prosekuzzjoni ssuspettat li l-informazzjoni setgħet ħarġet mill-Korp.

Fl-investigazzjoni tagħha l-Pulizija kkonkludiet li kienet l-akkużata li għaddiet dan it-tagħrif lill-avukati tar-raġel li f’dak iż-żmien kien f’relazzjoni magħha. Il-Kuntistabbli Ellul ġiet arrestata u interrogata fejn sostniet li kienet aċċessat id-dettalji ta’ dawn il-persuni għax kienet kritilhom post u xtaqet tkun taf dwar il-passat tagħhom. Hija ċaħdet li għaddiet tagħrif lil terzi.

Wara li sema’ l-provi, il-Maġistrat Azzopardi rrimarka li rriżulta li Ellul daħlet fis-sistema tal-Pulizija biex tfittex għal rapport dwar il-persuna li għamlet rapport fil-konfront tas-sieħeb tagħha. Dan mhux aċċettabbli.

Sostna li anke jekk fl-istqarrija tagħha qalet li fittxet fuq nies għax kienet kritilhom post, dan ifisser li kellha aċċess għal informazzjoni li ma kinitx marbuta ma’ xi investigazzjoni. Qal ukoll li l-investigaturi naqsu fl-investigazzjoni li jinterrogaw lis-sieħeb tagħha u lill-avukat tiegħu biex jistabbilixxu jekk kinitx hi li għadditilhom l-informazzjoni

Kien għalhekk li sabha ħatja biss tal-ewwel akkuża biss u meta ġie biex jagħti l-piena qal li l-aġir tal-Kuntistabbli Ellul kien wieħed serju ħafna għax mhux biss ittradiet il-fiduċja li l-Korp ikun poġġa fl-uffiċjali tiegħu, imma anke tas-soċjetà li tistenna li dawk inkarigati bil-ħarsien tal-liġi ma jkunux huma li jiksruha. Huwa mmultaha €20,000 li trid titħallas b’rata ta’ €560 fix-xahar.