Ambjent Lokali

L-Ombudsman iwissi lill-PA biex ma tkomplix taħbi l-identità tal-uffiċjali li jħejju r-rapporti, iżda l-abbuż ikompli għaddej – Moviment Graffitti

Il-Moviment Graffitti qed jikkundanna bil-qawwa l-għażla tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) li tkompli tirrifjuta li tippubblika l-identità tal-uffiċjali pubbliċi li qed jippreparaw rapporti importanti, minkejja l-konklużjoni ċara min-naħa tal-Ombudsman li din il-prattika teħtieġ li tieqaf.

Wara d-deċiżjoni tal-PA li żżomm mistura l-ismijiet tal-uffiċjali li qed jippreparaw ir-rapporti għal Applikazzjonijiet Sommarji, ġie ppreżentat ilment mal-Ombudsman. Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, l-Ombudsman iddikjara li:

1. L-identità tal-individwu responsabbli mid-deċiżjoni dwar applikazzjoni għandha tiġi żvelata b’mod pubbliku fiż-żmien li toħroġ id-deċiżjoni;

2. Il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandu jsir f’forum pubbliku;

3. L-identità tal-uffiċjali involuti fit-tħejjija tar-rakkomandazzjoni, speċifikament il-Case Officer u l-Endorsing Officer, għandhom ukoll ikunu pubblikament disponibbli mingħajr dewmien.

Din il-kwistjoni ħarġet b’mod ċar meta ġiet approvata PA/2035/21, applikazzjoni li riedet tissanzjona parti mill-iżvilupp ta’ Joseph Portelli fis-Sannat li preċedentament kien ġie rrevokat mill-Qorti. B’mod allarmanti għall-aħħar, ir-rapport tal-Case Officer irrakkomanda li din l-applikazzjoni tiġi approvata, u naqas milli jsemmi l-fatt kruċjali li l-iżvilupp inkwistjoni kien ġie nnullifikat mill-Qorti u, skont il-liġi, ma kienx eliġibbli għas-sanzjonar.

Ir-rapport ġie ppubblikat mingħajr ma ssemma l-isem tal-uffiċjal li ħejjieh jew l-uffiċjal li approvah. Dan in-nuqqas ta’ trasparenza wassal għal nuqqas ta’ kontabbiltà għal deċiżjoni sfaċċatament illegali li waqqgħet għaż-żuffjett il-kelma tal-Qorti.

Wara li l-Ombudsman ippreżenta s-sejbiet tiegħu, il-PA wieġbet billi kkonfermat l-intenzjoni tagħha li tkompli għaddejja b’din il-prattika abbuża, u fost raġunijiet li tat biex tissostanzja l-argument tagħha hija qalet li “… l-ismijiet mhux qed ikunu disponibbli pubblikament għal raġunijiet leġittimi ovvji, fosthom biex l-ismijiet ma jiġux imxandra fuq portals tal-aħbarijiet u l-midja soċjali.”

Il-ħabi tal-identità tal-uffiċjali pubbliċi li qed ifasslu u japprovaw dawn ir-rapporti, huwa sintomu ta’ sistema mnawra li hija mfassla biex tiffavorixxi l-iżviluppaturi u tagħtihom impunità. Is-sanzjonar illegali tal-penthouses ta’ Portelli fis-Sannat seħħ wara li l-binja kienet tlestiet waqt li kien għaddej appell. Ir-riforma mwiegħda tal-liġi tal-appelli tal-ippjanar għadha ma waslitx, u żviluppaturi oħra issa qed jimxu fuq il-passi ta’ Portelli u jippruvaw jissanzjonaw strutturi li ġew iddikjarati illegali mill-Qorti.

Is-sitwazzjoni marret għall-agħar bid-deċiżjoni li Johann Butiggieg, li huwa magħruf għall-qrubija tiegħu mal-iżviluppaturi l-kbar ta’ pajjiżna, jerġa’ lura bħala CEO tal-PA. F’dan il-kuntest, il-ħabi tal-ismijiet tal-uffiċjali pubbliċi responsabbli mit-tħejjija tar-rapporti jagħmilha iktar diffiċli li tiġi vverifikata l-integrità tal-proċessi tal-PA, inklużi kunflitti ta’ interess potenzjali.