mid-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus
Matul tmiem il-ġimgħa tal-ġimgħa l-oħra, pajjiżna esperjenza maltempata ta’ riħ qawwi. Ma kenitx xi urugan jew xi maltempata tas-seklu, iżda maltempata li tiżviluppa minn żmien għal żmien.
F’dan ix-xenarju, ftit kienu dawk li għaddielhom minn moħħhom kemm konna f’sitwazzjoni kritika għal dak li għandu x’jaqsam mal-provista tal-enerġija ta’ pajjiżna.
Meta l-Gvern Laburista bena l-power station, illum ikkonfermat li hija monument tal-korruzzjoni wara l-konklużjonijiet tal-Inkjesta ‘17 Black’, il-Gvern Laburista għamel għażla importanti. Frott l-għaġġla, u kontra kull parir tal-esperti tas-saħħa u s-sigurtà, għażlu li jmorru għall-għażla li l-ħażna tal-gass tinżamm fuq tanker tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk. L-għażla l-oħra kienet ħażna fuq l-art li kienet mhux biss iktar sigura, iżda kienet iktar reziljenti f’każijiet ta’ maltempata.
Fl-eqqel tal-maltempata nhar il-Ġimgħa tal-ġimgħa l-oħra, it-tanker tal-korruzzjoni, kellu jinħall minn mal-moll minħabba l-maltempata. Dan kien ifisser li l-power station tal-korruzzjoni tal-Electrogas, u parti mill-BWSC (li llum hija proprjetà tal-kumpanija Ċiniza Shangħai Electric), kellhom jintfew għaliex it-tanker ma setax ikompli jipprovdi gass hekk kif kien maqlugħ minn mal-moll.
Għaldaqstant, konna f’mument kritiku fejn pajjiżna ma setax iserraħ fuq il-power stations li bena Gvern Laburista għax kienu out of action. Minkejja x-xettiċiżmu li smajna tul is-snin dwar l-interconnector, nhar il-Ġimgħa tal-ġimgħa l-oħra imnalla pajjiżna kellu l-interconnector għax partijiet minn pajjiżna kienu jispiċċaw fid-dlam.
Infurmat li l-interconnector fil-fatt kien mgħobbi sa ruħ ommu, kif jgħid il-Malti, proprju biex ikun jista’ jlaħħaq mad-domanda li kien hemm bżonn f’pajjiżna. Hawnhekk għal darb’ohra, għandna konferma kemm-il politika tal-Partit Nazzjonalista fis-settur tal-enerġija hija dik li maż-żmien turi li hija l-iktar reżiljenti.
Illum qegħdin inbatu għall-fatt li Gvern Laburista waqqaf l-implimentazzjoni tat-tieni interconnector, li kien diġà ppjanat mill-Enemalta qabel l-2013. Li kieku Gvern Laburista ma ntilifx fil-korruzzjoni tal-power station tal-Electrogas u l-korruzzjoni fl-impjant tal-irdieden tar-riħ fil-Montenegro, it-tieni interconnector kien ikun diġà f’postu u bdejna nieħdu l-frott tiegħu.
Dan apparti l-fatt li minħabba dan id-dewmien fl-istallazzjoni tat-tieni interconnector, il-Gvern spiċċa jikri ruxxmata generators li jaħdmu bid-diesel biex iżid il-kapaċità tal-provvista tad-dawl mill-power station proprju għax il-power station station li għandna ma taħdimx fil-maltemp. Dan swiena €37 miljun biex inħaddmu l-generators għal 47 ġurnata – għax tant iħammġu li l-permess illimita l-ammont baxx ta’ sigħat li għandhom jitħaddmu.
Biex ma nsemmiex il-fatt li kemm l-ewwel u t-tieni interconnector huma sostanzjalment iffinanzjati mill-fondi Ewropej – viżjoni oħra tal-Partit Nazzjonalista. Infakkar biss għall-benefiċċju tal-ġenerazzjoni żagħżugħa, li l-Labour kien kontra s-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea, għaliex kien jemmen li stajna nsiru ‘Żvizzera fil-Mediterran’.
//= $special ?>