Lokali

L-OPINJONI: Niftakru fix-Shoah

Niftakru kemm għandna dmir nipproteġu dak li għandna u f’dan kemm huwa faċli li nitilfu, bħalma tilfu oħrajn, il-valuri demokratiċi tagħna.

mid-Deputat Carm Mifsud Bonnici

Kif turina l-istorja, kienu diversi dawk il-bnedmin li għażlu li jibnu l-karriera politika tagħhom fuq il-mibegħda. Isaħħnu kontra oħrajn. Jimlewhom biex jagħrfuhom. Mhux aktar bħala bnedmin, imma bħala għedewwa, oġġetti.

Adolf Hitler u Josef Stalin kienu fost dawk l-iktar prominenti f’dan. Mexxew oħrajn f’toroq żbaljati. Ħaduhom lejn gwerer li fihom inqatlu ħafna nies. Eliminaw b’feroċja liema bħalha lil dawk li kienu ddikjaraw bħala ‘ħżiena’. Inqatlu miluni ta’ Lhud fil-kampijiet ta’ konċentrament. Inqatlu diversi oħrajn fil-Gulag.

Strumenti ta’ repressjoni politika. Dik li hija tal-lemin u tax-xellug estrem, u li għadha ddur mas-saqajn u ppratikata llum anki minn dawk li jiddikjaraw ruħhom bħala ‘suppost’ Demokratiċi.

Nibqa’ kontra
Il-politika tal-estrem ma tirbħilhiex bl-estrem imma bl-użu tar-raġuni. Min fid-demokrazija ma fehemx dan għandu bżonn jirrealizza li bl-istess nuqqas ta’ għarfien isir l-istess bħal dak li huwa stess qiegħed jikkundanna.

Huwa minnu li parti mid-debbulizza apparenti tad-demokrazija hija dik li fiha jitwieldu dawk li jabbużaw. Hija, f’ħafna sens, parti mill-prezz tal-libertà li d-demokrazija ġġib. Hija wkoll l-eżami li jsirilha biex turi kemm hija soda fl-għeruq tagħha. Hija wkoll l-isfida sabiex l-eċċezzjoni tissoda r-regola. Politiċi demokratiċi jagħrfu aktar proprju f’dan li għandhom dmir jikkumbattu l-estremiżmi bl-użu tal-loġika u bil-fatti.

Jekk għall-argumenti tal-estremi m’għandekx difiża, dik hija pożizzjoni li trid attenzjoni. Imma ċertament mhux dik li fiha tingħalaq billi tneħħi l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Ma hemmx dubju

M’għandix dubju li wieħed jista’ jidher apparentement dgħajjef jekk ma jkunx “aħrax”, imma dan ma jdumx fit-tul. Diversi mexxejja sabu ruħhom f’din il-pożizzjoni u għażlu li jkunu moderati u ma kkonfrontawx. Kienet il-linja politika demokratika ta’ Eddie Fenech Adami, li għadda minn ħafna hu u familtu.

Ma marx biex jivvendika ruħu fuq min għamillu l-ħsara. Għażel dak li mexxejja oħra kienu qegħdin iwettqu, bħalma kien għamel Nelson Mandela. Dak li tiftaħ djalogu u fl-istess ħin tikkonvinċi lil dawk li kienu żbaljati bil-fatti. Pajjiż u nazzjon jingħaqad għax ikollu bażi ta’ valuri umani sodi li mhumiex imwielda fil-mibegħda, fir-razziżmu u fl-intolleranza.

Ikollok dejjem, f’kull soċjetà u f’kull żmien, lil min jabbuża mis-sistema demokratika imma ma tiġix ġustifikat li, biex tibdel, twettaq l-istess nuqqas inti stess.

Laqgħat
F’dan nagħrfu li kien hemm bżonn min jafferma ruħu fil-Gvern billi jorganizza laqgħa fil-ħames sena tiegħu. Jekk kien hemm min kellu xi dubju dwar dan jew żiedu jew ħallih fejn kien. M’hemmx dubju dwar min huwa Prim Ministru llum, u wisq anqas li huwa differenti minn ta’ qablu. Il-messaġġ seta’ kien estern, imma jidher aktar intern. Xorta f’dan huwa proċess demokratiku li jafferma ruħu f’punt wieħed, u dan bl-użu tar-raġuni.

Dak f’kemm persuna huwa kapaċi jikkonvinċi lil ħaddieħor. Jipperswadi li m’għandux tort, jew aħjar, li għandu raġun. Jiġi min jiġi attakkat mill-ministri tal-Gvern, din hija għażla. Jista’ l-mument ikun diffiċli u skomdu, imma dik trid tkun il-linja fit-tul.

Niftakru
Dan l-argument fih ċertament aktar piż proprju quddiem il-fatt li llum f’pajjiżna wkoll ningħaqdu biex niftakru fil-miljuni ta’ bnedmin ħutna li mietu fil-kampijiet tal-konċentrament. Niftakru f’dak li għaddewhom minnu. Kif ifakkruna diversi kittieba, fosthom Viktor Frankl (1905-1997), f’dak il-proċess li bih kull persuna titlef id-dinjità tagħha.

Kull m’għandha. Qaxxrulhom xaharhom, tawhom numru stampat fuq il-ġilda flok isem, ittrattawhom ħażin, neħħewlhom kull forma ta’ dinjità. Fejn, kif jingħad minn Frankl dwar il-libertà interjuri: “Although the Nazis had taken away virtually every freedom and vestige of humanity from the camp inmates, there was one freedom they could not take away: the freedom to choose how to respond.” (Għalkemm in-Nażisti kienu ħadu prattikament kull libertà jew forma ta’ umanità minn dawk li kienu fil-kampijiet tal-konċentrament, kien hemm libertà waħda li ma setgħux jieħdu: il-libertà li tagħżel kif twieġeb għal dan.)

Dan huwa l-punt

Dik qegħda hawn ukoll: il-libertà li tagħżel kif twieġeb għal dak li għaddej. Għax jekk int fil-poter u tħossok tant aggravat li trid tiddefendi lilek innifsek mill-akkużi veri jew apparenti, agħmel użu mis-sistema demokratika li għandna. Agħmel użu mil-linja li fiha tipproteġi u tassigura l-libertà u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, anke jekk kontra tiegħek. Għax il-bilanċi demokratiċi diġà jinsabu hemm.
Għaliex ukoll, huma x’inhuma l-affronti li qed tħoss, b’dan il-mod tassigura li tirbaħ int u miegħek tirbaħ id-demokrazija. F’Jum ix-Shoah nittama li niftakru kemm għandna dmir nipproteġu dak li għandna u f’dan kemm huwa faċli li nitilfu, bħalma tilfu oħrajn, il-valuri demokratiċi tagħna.