Ekonomija Lokali

76% tan-negozji jemmnu li bħala pajjiż sejrin fid-direzzjoni l-ħażina

Bozza ħamra għall-Gvern. Is-suq qed iħoss id-daqqa tal-governanza ħażina u l-isplużjoni bla pjan fil-popolazzjoni. Tal-ħwienet – in-nies li jdawru l-ekonomija – huma ferm inkwetati dwar id-direzzjoni li jinsab fiha l-pajjiż.

Din hija l-istampa li tirriżulta mill-aħħar stħarriġ li sar mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, fejn is-sidien tan-negozji esprimew l-akbar tħassib tagħhom bħalissa – il-korruzzjoni u l-overpopulation.

Dan l-istudju juri li tliet kwarti tan-negozji jemmnu li l-pajjiż sejjer fid-direzzjoni l-ħażina. Bil-maġġoranza jaħsbu li matul din is-sena, kollox se jibqa’ l-istess.

Meta ġew mistoqsija dwar l-akbar sfidi li għandu quddiemu l-pajjiż u li l-Gvern irid jagħmel xi ħaġa dwarhom, is-sidien tan-negozji semmew in-nuqqas ta’ governanza tajba, il-livell ta’ korruzzjoni f’pajjiżna, iż-żieda enormi ta’ barranin, l-għoli tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna.

Dan filwaqt li l-ikbar żewġ sfidi li qed jaffetwa n-negozji huma n-nuqqas ta’ ħaddiema u l-kompetizzjoni inġusta.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li l-kompetizzjoni inġusta bejn in-negozji tinkludi wkoll l-impatt ta’ persentaġġi tat-taxxi li huma differenti bejn negozji lokali …li jħallsu 35%, u dawk internazzjonali li jħalsu 5%.

Sfida oħra li qed iħabbtu wiċċhom magħha n-negozji hija il-pagamenti tard kemm mill-klijenti kif ukoll mill-Gvern. Bil-Kamra tan-Negozji żagħar u Medji tgħid li din hija kultura li trid tinbidel minn naħa tal-Gvern.

Fost ir-rikamndazzjonijiet li għamlu lill-Gvern isemmew il-bżonn għat-trasparenza u l-miżuri kontra l-korruzjoni, kif ukoll il-bżonn li l-infrastrutura titjieb biex tlaħaq mat-tkabbir fl-ekonomija.

Intant is-survey wera wkoll illi 30% ta’ dawk li wieġbu qalu li d-dħul fi żmien il-festi tal-Milied naqas meta kumparat mas-sena ta’ qabel.