Lokali

Ċentru taż-ŻAK fiż-Żurrieq inawgurat uffiċjalment

Ġie inawgurat uffiċjalment iċ-ċentru taż-ŻAK Żurrieq wara rinnovazzjoni estensiva. Iċ-ċentru se jkun qed iservi bħala spazju għaż-żgħażagħ miż-Żurrieq u l-inħawi, biex jgħin fil-formazzjoni tal-membri fil-komunità, fit-tkabbir personali u fl-iżvilupp spiritwali tagħhom.

Immexxi minn Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK) u l-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM), iċ-ċentru jkompli il-legat ta’ Dun Ġużepp Falzon Zammit, li għal għexieren ta’ snin ħa l-impenn li jrawwem liż-żgħażagħ ta’ din il-komunità.

Waqt din iż-żjara, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Council for the Voluntary Sector, Mauro Pace Parascandolo, raw ix-xogħol li sar f’dan iċ-ċentru. L-attività laħqet il-qofol tagħha b’quddiesa ta’ radd il-ħajr, iċċelebrata minn Mons. Carmel Camilleri, li serva bħala direttur spiritwali taċ-ċentru għal madwar 15-il sena bejn l-aħħar tas-snin sebgħin sal-bidu tad-disgħinijiet.

Fid-diskors ta’ merħba, il-President tal-AKM Marija Cachia esprimiet il-gratitudni tagħha lejn Dun Ġużepp Zammit Falzon, li tant kellu għall-qalbu l-grupp tal-Azzjoni Kattolika fiż-Żurrieq li wara mewtu ta l-proprjetà tiegħu għall-użu tal-Azzjoni Kattolika Maltija fiż-Żurrieq.

L-azzjonijiet ta’ Dun Zammit Falzon taw xhieda tat-twemmin tiegħu fir-rwol tal-lajċi fi ħdan il-knisja u, għalhekk tal-formazzjoni tagħhom. Is-Sinjura Cachia estendiet il-gratitudni tagħha lejn il-mexxejja tal-AKM u ż-ŻAK, li tul għexieren ta’ snin, offrew il-ħin u l-ħiliet tagħhom volontarji biex jiżviluppaw komunità ta’ individwi impenjati għall-ġustizzja soċjali.

Ir-rinnovazzjoni taċ-Ċentru taż-ŻAK fiż-Żurrie li kien inawgurat is-Sibt 25 ta’ Jannar 2025, kien possibbli biss permezz ta’ fondi lokali u tal-Unjoni Ewropea li humu disponibbli għall-għaqdiet volontarji bħalma hi l-AKM.

Il-President taż-ŻAK, Michela Baldacchino, spjegat li ż-ŻAK hija fergħa tal-Azzjoni Kattolika Maltija u l-iskop tal-għaqda hu li tipprovdi programmi għall-iżvilupp spiritwali, soċjali u personali ta’ kull individwu. L-għan ta’ dan il-proċess huwa li jafferma individwu fl-identità proprja tiegħu jew tagħha u jkollhom relazzjoni ma’ Alla u l-oħrajn. L-istrutturi taż-ŻAK jassistu lill-mexxejja taż-żgħażagħ u żgħażagħ oħra fl-amministrazzjoni tal-attivitajiet ta’ ħidma maż-żgħażagħ u jappoġġjawhom biex jorganizzaw laqgħat ta’ gruppi taż-żgħażagħ kif ukoll attivitajiet oħra. ŻAK Żurrieq tilqa’ liż-żgħażagħ minn 16-il sena ‘l fuq, kull nhar ta’ Ġimgħa bejn is-7pm u d-9.30pm.

Mario Calleja, Viċi Chairman tal-Fondazzjoni GAL Xlokk, saħaq fuq l-importanza tal-volontarjat fi ħdan il-komunità u tat-trawwim taż-żgħażagħ, u sostna li l-Fondazzjoni tagħti prijorità liż-żgħażagħ meta talloka l-fondi Ewropej. Calleja enfasizza l-impatt pożittiv tal-ħidma maż-żgħażagħ, bħal dik li twettaq iż-ŻAK.

Il-Ministru Julia Farrugia sostniet li din l-inawgurazzjoni kellha sens għax kienet tixhed l-imħabba, il-faraġ u s-solidarjetà li jitrawmu f’dan il-bini. Permezz ta’ dawn l-azzjonijiet, iż-żgħażagħ jiżviluppaw valuri b’saħħithom, li jippermettulhom iħallu impatt pożittiv fil-ħajja personali tagħhom, fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom u fil-komunità.

L-organizzazzjonijiet bħalma huma ż-ŻAK u l-AKM huma l-qalb li tħabbat tas-soċjetà tagħna, li jagħtu ħin, enerġija u passjoni biex itejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ dawk l-aktar fil-bżonn u oħrajn b’mod ġenerali. Il-Ministru Farrugia sostniet li dan il-proġett kien wieħed minn 168 proġett appoġġjati mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat matul dawn l-aħħar snin.

Il-Kap Eżekuttiv Mauro Pace Parascandolo qal li dan il-proġett jixhed il-kollaborazzjoni mhux biss bejn l-għaqdiet u entitajiet, iżda wkoll bejn fondi u skemi differenti li lkoll jgħinu sabiex jitwettqu proġetti mill-oqsma kollha tas-settur tal-volontarjat fil-komunità.

Ir-rinnovazzjoni ta’ dan iċ-ċentru taż-ŻAK fiż-Żurrieq kienet possibbli permezz ta’ €30,000 f’fondi tal-Unjoni Ewropea mill-Programm LEADER 2014-2020, Miżura 2: Strengthening a healthy cultural identity, amministrat mill-Fondazzjoni GAL Xlokk; €7,500 mill-Co-Financing Fund immexxi mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat; kif ukoll fondi mill-Iskema Irrestawra Darek tal-Awtorità tal-Ippjanar. L-Azzjoni Kattolika iffinanzjat madwar €11,000 minn dan il-proġett.

L-Azzjoni Kattolika Maltija li sservi bħala pilastru għall-komunità Kattolika f’Malta, ilha strumentali fit-taħriġ taż-żgħażagħ u l-formazzjoni tal-adulti għal għexieren ta’ snin. Permezz tas-sezzjoni taż-żgħażagħ tagħha, l-AKM tkompli tipprovdi liż-żgħażagħ b’opportunitajiet biex jiżviluppaw ħiliet ta’ tmexxija, japprofondixxu l-fidi tagħhom u jibnu konnessjonijiet sinifikanti.

Iċ-Ċentru taż-ŻAK Żurrieq jistieden individwi żgħażagħ miż-Żurrieq u l-madwar biex jingħaqdu mal-komunità tagħhom u jipparteċipaw fil-programmi diversi li jkollhom, li jinkludu workshops, avvenimenti soċjali, u attivitajiet spiritwali. Għal aktar informazzjoni dwar kif tinvolvi ruħek ikkuntattjaw lill-AKM fuq info@akmalta.org jew ibagħtilna messaġġ fuq Facebook jew Instagram.