Kummerċ Lokali

Donazzjoni lill-Fondazzjon Richmond miġbura mill-attività BOV Colour My Run

Nathan Farrugia, Daniela Calleja Bitar, Kenneth Farrugia u Daniel Magrin

Kollaborazzjoni riċenti bejn il-Bank of Valletta u Colour My Run Malta, serviet biex il-Bank ikun jista’ jippromwovi sfida li toħloq kuxjenza dwar il-benesseri fiżiċi, mentali u finanzjarji.

Din l-inizjattiva, l-ewwel waħda tax-xorta tagħha għall-BOV, wasslet biex inġabru fondi b’risq il-Fondazzjoni Richmond b’parti mid-dħul ta’ kull applikazzjoni mill-parteċipanti u donazzjoni ġeneruża mill-Bank u kumpaniji oħra li appoġġjaw din l-inizjattiva jwasslu għal din id-donazzjoni.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Kenneth Farrugia, ippreżenta d-donazzjoni lil Daniela Calleja Bitar, Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond. Il-preżentazzjoni saret fil-preżenza ta’ Nathan Farrugia minn Colour My Run Malta; u ta’ Daniel Magrin, Kap fid-dipartiment tal-Marketing tal-Bank of Valletta.

Il-kampanja nazzjonali tal-BOV kellha l-għan li tħeġġeġ lill-pubbliku jibda jippjana għall-futur finanzjarju komdu waqt li jinkorpora wkoll l-aspett ta’ benesseri fiżiċi u mentali. Din l-inizjattiva ġabet flimkien persuni li jaħdmu fl-oqsma tas-saħħa fiżika u mentali biex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza li wieħed iżomm ruħu attiv fiżikament u jieħu ħsieb is-saħħa mentali wkoll.