L-Eks Surgent tal-Pulizija Cherise Camilleri ta’ 28 sena minn Ħal Qormi, u Ruud Buhagiar (ritratt) ta’ 30 sena minn Birżebbuġia, ingħataw il-ħelsien mill-arrest wara li f’Novembru li għadda tressqu l-Qorti separatament mixlija b’reati serji fosthom li żvelaw informazzjoni interna tal-Korp tal-Pulizija dwar investigazzjonijiet fil-qasam tad-droga u rejds li kienu se jsiru.
Buhagiar kien akkużat ukoll li kien involut f’attentati ta’ serq u uża informazzjoni li allegatament għaddietlu s-Surġent dwar rejds mit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga u anke taqsimiet oħra tal-Pulizija.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, qed tisma’ l-kumpilazzjoni tal-provi bil-magħluq minħabba n-natura tal-akkużi u ismijiet li aktarx qed jiġu żvelati matul is-smigħ tal-kawża.
Dan kollu wkoll peress li l-każ huwa wieħed sensittiv u jista’ jtellef mill-investigazzjoni. Matul is-seduti tat-Tlieta, Camilleri u Buhagiar ingħataw il-libertà proviżorja taħt diversi kundizzjonjiet fosthom li jiffirmaw l-għassa darbtejn kuljum, jiddepozitaw €20,000 kull wieħed u garanzija personali ta’ €100,000 kull wieħed.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Christina Delia u Lydon Zammit flimkien mal-Avukati Maria Francesca Spiteri u Kevin Valletta f’isem l-Avukat Ġenerali. Camilleri qed tiġi assistita mill-Avukati Arthur Azzopardi u Frank Tabone filwaqt li Buhagiar qed jiġi assistit mill-Avukati Alfred Abela u Rene Darmanin.
//= $special ?>