L-OPINJONI
Floriana u Ħamrun Spartans ħadu punt kull wieħed minn konfront dirett bejn it-tim li rebaħ l-Opening Round tat-360Sports Malta Premier u ċ-Champions renjanti tal-futbol lokali. Sa qabel din il-partita l-Ispartans kellhom punti massimi biex dan id-draw telfilhom il-mija fil-mija rekord fil-Closing Round. Kienet partita bilanċjata minkejja li ma kien fiha l-ebda gowl, fejn fl-ewwel taqsima l-Ħamruniżi kienu iktar perikolużi bil-Furjaniżi joħorġu tajjeb fit-tieni taqsima. Il-kowċ tal-Greens Darren Abdilla għażel li jagħti d-debutt lill-aħħar akkwisti, l-Eks Gżira Zachary Scerri u Elvis Mashike li inċidentalment kien qed jilgħab kontra l-eks tim tiegħu Ħamrun Spartans. Riżultat ġust f’partita li ftit li xejn leħqet dak mistenni miż-żewġ timijiet.
Ritratt: Joseph Galea
Ikomplu l-mument tajjeb ta’ Melita hekk kif wara li l-ġimgħa li għaddiet huma għelbu kontra kull mistenni lil Floriana, fi tmiem il-ġimgħa żammew lil Birkirkara fi draw ta’ 1-1. Kien riżultat ġust hekk kif minkejja d-dominju territorjali tal-Istripes, Melita ddefendew tajjeb ħafna u kellhom ukoll il-mumenti tagħhom. Fil-fatt Birkirkara ħadu vantaġġ bikri fil-partita fejn kulħadd ħaseb li din kienet ser tkun partita faċli għat-tim immexxi minn De Angelis. Iżda Melita kisbu l-gowl tad-draw, minkejja li b’penalty kontroversja lil u saħansitra setgħu wkoll marru fil-vantaġġ li kieku Volpe ma salvax minn taħtu daqqa ta’ ras perikoluża lejn tmiem l-ewwel taqsima. Punt importanti għal Melita fit-tentattiv li jirrepetu dak li għamlu fl-Opening Round. Mill-banda l-oħra daqqa ta’ ħarta għal Birkirkara li jkomplu jżommu l-pass ma’ ta’ fuq.
Ritratt: Catriel Farrugia
Marsaxlokk kisbu rebħa minima bl-iskor ta’ 1-0 kontra Hibernians biex b’hekk għadhom bla telfa fil-Closing Round. Kienu tliet punti importanti li waslu permezz ta’ gowl skurjat eżatt qabel is-suffara ta’ tmiem l-ewwel taqsima. U l-awtur ta’ dan il-gowl kien Alex Aguiar li jkompli jikkonferma l-mument tajjeb li għaddej minnu bħalissa. Għal Hibernians din kienet it-tieni telfa mill-aħħar tliet logħbiet biex ikompli l-istaġun inkonsistenti tat-tim minn Raħal Ġdid. Fl-ewwel taqsima kienu Marsaxlokk li ddominaw il-pussess tal-ballun biex fit-tieni taqsima, minkejja r-reazzjoni tal-Pawlisti xorta waħda din ma kenitx biżżejjed biex isalvaw il-logħba. Żgur li t-tim immexxi minn Nisevic irid juri aktar konsistenza biex ikun f’pożizzjoni aqwa minn dik li jinsab bħalissa.
Ritratt: Catriel Farrugia
F’logħba deludenti Gżira United kisbu rebħa b’gowl uniku skurjat minn Gabriel Mentz fl-ewwel parti tal-logħba. Kien penalty kontroversjali li qaleb il-miżien favur il-Maroons fejn dan kien id-disa’ gowl ta’ Mentz f’dan il-Kampjonat. Kienu Gżira li ddettaw il-logħba iżda xorta waħda naqsu li jagħlqu l-logħba biex baqgħu sal-aħħar mhux ċerti jekk ir-rebħa hux ser tinkiseb jew le. Dawn huma punti importanti li bihom Gżira qed jippruvaw li jmorru pass oltrè mill-Opening Round meta kienu spiċċaw fil-Bottom Six minkejja li rebħu b’faċilità dik is-sezzjoni. Għal Naxxar Lions ikomplu jiżdiedu l-problemi fejn din kienet it-tielet telfa fil-Closing Round biex huma l-unika tim mingħajr ebda punt.
Ritratt: Martin Agius
Zabbar SP kisbu rebħa konvinċenti bl-iskor ta’ 3-0 kontra Balzan, rebħa meritata li mmaturat fit-tieni taqsima. Ovvjament li l-kompitu tagħhom sar aktar faċli meta fit-tieni taqsima Balzan spiċċaw jilagħbu b’disa’ players. B’hekk, tkompli l-kriżi Balzan f’dan il-kampjonat li wara li spiċċaw fiz-zona relegazzjoni fl-Opening Round qed jippruvaw jagħmlu minn kollox biex jevitaw li jiġri l-istess fil-Closing Round. Mill-banda l-oħra, Żabbar SP jinsabu f’pożizzjoni nsolita fil-klassifika, imma dan huwa mertu tal-wirjiet pożittivi li qed ikollhom fejn wara li fil-Bottom Six evitaw l-aħħar żewġ postijiet, qed jemmnu li din id-darba jkunu f’pożizzjoni ħafna aħjar biex jikkonfermaw posthom mal-kbar għall-istaġun li ġej kmieni kemm jista’ jkun.
Anki Sliema Wanderers kisbu rebħa minima wara li huma għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 1-0. Kien is-solitu Vito Plut li rreaġixxa tajjeb għal free-kick ta’ Steve Pisani biex tefa’ fix-xibka għal dak li eventwalment kellu jkun il-gowl tar-rebħa. Għal Sliema, din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva biex b’hekk jinsabu mal-grupp ta’ quddiem wara tliet logħbiet li ntlagħbu mill-Closing Round. L-ewwel taqsima kienet nieqsa ħafna minn logħob ta’ livell iżda kien hemm titjib marġinali fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta. Mosta b’hekk sofrew it-tieni telfa minn tliet logħbiet biex bħalissa jinsabu fil-post ta’ qabel tal-aħħar fil-klassifika.
Ritratt: Martin Agius
INNUTAJNA
LI fir-rebħa li Żabbar SP kisbu kontra Balzan bl-iskor ta’ 3-0, Stefan Ilic u Kristian Keqi kien fost l-iskorers bl-ewwel gowls tagħhom għat-tim Żabbari. It-tnejn li huma qed ikunu strumentali sabiex Żabbar jilħqu l-objettiv tagħhom.
LI l-atmosfera fit-Tony Bezzina Stadium għall-partitissima bejn Floriana u Ħamrun Spartans kienet waħda sabiħa ħafna. Fil-fatt anki ż-zewġ naħat ħejjew koreografija impressjonanti biex komplew isebbħu l-ambjent li jixraq logħba bejn fost l-aqwa żewġ timijiet tal-futbol lokali.
LI matul din il-ġimgħa jkomplu jintensifikaw it-trasferimenti fl-aħħar ġranet tas-suq ta’ Jannar. It-timijiet kollha jinsabu attivi ferm sabiex ikunu armati bl-aħjar mod għall-aħħar parti tal-Kampjonat. Stennew xi sorpriża jew tnejn fl-aħħar ħinijiet.
//= $special ?>