Lokali Parlament

Il-gvern falla fil-mira ta’ żvilupp sostenibbli fl-enerġija alternattiva

Ryan Callus PN,

Fid-dibattitu parlamentari dwar ir-Rapport Annwali dwar l-Iżvilupp Sostenibbli għall-2023, id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li l-gvern falla fil-miri tiegħu ta’ żvilupp sostenibbli fl-enerġija alternattiva.

Ryan Callus qal li r-rapport li qed ikun diskuss fil-Parlament hu tal-2023 meta suppost dan kien ppreżentat fil-Parlament f’April 2024 u mhux fl-2025. Hu tkellem dwar is-sitwazzjoni tal-pajjiż fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u qal li l-pajjiż qed ifalli għaliex ma wettaq l-ebda proġett maġġuri fl-enerġija alternattiva fosthom fit-turbini tar-riħ.

Din il-mira mhijiex se tintlaħaq sakemm ikun reġistrat progress, sostna Ryan Callus, li qal li settur ieħor li kien hemm falliment fih kien dak tar-riċerka fejn il-pajjiż naqas bil-kbir milli jwettaq dan l-investiment. L-ispiża f’dan ir-rigward għandha tkun ikkunsidrata fil-kuntest tal-investiment li jsir fil-pajjiż.

L-investiment f’dan is-settur għandu jsir issa għaliex il-gvern issa qed jgħid li l-pajjiż hu fost l-aqwa fid-dinja, sostna Ryan Callus, li kompla li qed tikber ukoll l-inugwaljanza fil-popolazzjoni. Din qed iseħħ f’diversi setturi fosthom fl-obeżità għaliex il-gvern ma fassalx il-liġijiet neċessarji kontra l-ikel li mhuwiex ta’ kwalità u kontra l-użu taz-zokkor.

Dwar l-enerġija, hu qal li kieku l-gvern ippjana t-tieni interconnector kif suppost, il-pajjiż ma kienx ikollu għalxiex jikri l-generators li jaħdmu bid-diesel u li fil-fatt qed iniġġsu.

Ryan Callus tkellem dwar l-istituzzjonijiet u qal li l-mira li dawn jissaħħu żgur li ma ntlaħqitx wara sensiela ta’ skandli u korruzzjoni li ma jispiċċaw qatt.