Lokali

Il-President ta’ Malta tattendi għall-kommemorazzjoni tat-80 anniversarju mil-liberazzjoni ta’ Auschwitz

Il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, attendiet għall-kommemorazzjoni tat-80 sena mil-liberazzjoni tal-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz-Birkenau, fil-Polonja, fejn inqatlu madwar 1.1 miljun persuna.

Il-President Spiteri Debono ngħaqdet ma’ għadd ta’ persuni li ġew liberati minn dan il-kamp ta’ konċentrament fis-27 ta’ Jannar tal-1945. Flimkien ma’ mexxejja minn madwar id-dinja, il-President ta’ Malta poġġiet xemgħa b’ġest ta’ rispett lejn dawk li nqatlu f’dan il-kamp ta’ konċentrament.

Preżenti kien hemm ukoll il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.

Fid-diskorsi ta’ wħud minn dawk li salvaw minn Auschwitz-Birkenau kien hemm messaġġ komuni li l-Olokawst beda b’ġesti żgħar ta’ esklużjoni u diskriminazzjoni fil-ħajja ta’ kuljum, u wissew biex illum ukoll ma tkunx injorata l-mibegħda li tista’ twassal biex l-istorja tirrepeti ruħha.

Din il-kommemorazzjoni ġabet fi tmiemha ż-żjara uffiċjali barra minn Malta għall-President Spiteri Debono, li tirritorna Malta tard it-Tlieta filgħaxija.