Wara kważi sena u nofs ingħalqu l-provi min-naħa tal-prosekuzzjoni fil-każ tal-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Il-pass li jmiss issa huwa li l-Maġistrat Rachel Montebello tibda tisma’ l-provi minn naħa tad-difiża. Il-kumpilazzjoni ta’ tlett irġiel u żewġ nisa li qed iwieġbu mhux ħatja tal-omiċidju involontarju taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, li miet fl-età ta’ 20 sena f’kollass ta’ kostruzzjoni ta’ Kordin.
Il-provi dwar dan il-każ kienu bdew jinstemgħu fid-9 ta’ Awwissu tal-2023. Sofia nqatel f’inċident f’sit ta’ kostruzzjoni f’Diċembru tal-2022, wara li bini ta’ tliet sulari li kien qed jaħdem fih waqa’ waqt xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.
Dakinhar ħamest irġiel, tliet Albaniżi, Malti u Bosnjan kienu ġew salvati minn membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Il-ħames akkużati li tressqu quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ingħataw il-libertà proviżorja taħt kundizzjonijiet stretti fosthom li jiddepożitaw il-passaporti tagħhom mal-Qorti, u ma jitilqux mill-pajjiż.
L-akkużati huma Matthew Schembri ta’ 38 sena, Direttur tal-kumpanija, minn Birkirkara; Kurt Buhagiar ta’ 39 sena impjegat in-Naxxar; Adriana Zammit ta’ 35 minn Ħaż-Żabbar, li hija perit; Milomir Jovicevic ta’ 39 sena, Direttur fil-kumpanija tal-kostruzzjoni ma’ martu Dijana ta’ 39 sena, it-tnejn tal-kumpanija Milmar Construction Ltd..
Il-ħamsa qed jiġu mixlija li kkawżaw il-mewt ta’ Jean Paul Sofia u b’feriment ta’ ħames ħaddiema oħra, identifikati bħala Vladimir Laketic, Gentjan Carku, Lulzim Carku, Denis Carku, u Sammy David Curtis u li b’negliġenza kkawżaw ferita gravi lill-istesss ħames ħaddiema.
Il-Perit Adriana Zammit waħedha qed tiġi mixlija li naqset mid-dmir tagħha li twettaq xogħlijiet fuq il-proprjetà skont l-aħjar prattiċi u standards tal-industrija għall-ħarsien tal-ambjent u z-zoni immedjati, l-utenti tagħha u l-pubbliku ġenerali.
L-iżviluppatur Matthew Schembri waħdu qed ikun akkużat b’falsifikazzjoni ta’ dokument pubbliku jew kummerċjali awtentiku, permezz ta’ falsifikazzjoni tal-firma ta’ wieħed bl-isem ta’ John Muscat fuq l-Avviż tal-Bidu fis-sit tal-bini, li xjentement għamel użu mid-dokument falsifikat imsemmi, li xjentement ta informazzjoni falza lil awtorità pubblika sabiex jikseb vantaġġ jew benefiċċju għalih innifsu jew għal xi ħadd ieħor; u tagħmel it-tieni falsifikazzjoni jew użu ta’ Avviż ta’ Bidu falsifikat ieħor.
Schembri u Kurt Buhagiar flimkien, fil-kapaċitajiet personali tagħhom u bħala diretturi ta’ Allplus Limited, u Schembri bħala direttur ta’ White Frost Company Limited u Milomir Jovicevic fil-kapaċità personali tiegħu u bħala direttur ta’ Milmar Construction Ltd, u Dijana Jovicevic bħala direttur ta’ Milmar Construction Ltd, ġew akkużati li naqsu mid-dmirijiet tagħhom bħala impjegaturi biex jiżguraw is-sigurtà tal-impjegati tagħhom, billi naqsu milli jieħdu l-ħsara fiżika jew mewt meħtieġa fuq il-post tax-xogħol.
Il-Qorti, fis-seduta tat-Tlieta, infurmat lid-difiża biex iressqu nota jekk huma jixtiequ li jsir aċċess fuq il-post tal-inċident. Il-provi mid-difiża se jinstemgħu fit-3 ta’ April fin-12.30pm.
L-avukati Joe Giglio u David Bonello qed jirrappreżentaw lil Isabelle Bonnici u John Sofia, il-ġenituri tal-vittma, bħala parte civile. Franco Debono, Arthur Azzopardi u Jacob Magri qed jirrappreżentaw lill-iżviluppaturi Kurt Buhagiar u Matthew Schembri. Steven Tonna Lowell qed jirrappreżenta lill-perit Adriana Zammit. L-Avukat Timothy Bartolo qed jirrappreżenta lill-kuntrattur Miromir Jovicevic u lil martu, li hija direttur tal-kumpanija ta’ Jovicevic, Milmar Construction.
//= $special ?>