Lokali

Inġustizzji u diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema, sforz it-taħwid fi Transport Malta

It-taħwid li għaddej fi Transport Malta fejn jidħlu sejħiet għal vacancies, kif ukoll sejħiet interni għal promozzjonijiet, qed joħloq diversi inġustizzji, qed jagħmel diskriminazzjoni flagranti bejn il-ħaddiema, qed jikser il-Ftehim Kollettiv, u qiegħed anke jikser l-Avviż Legali li Robert Abela ħareġ idoqq it-trombi fuqu lejliet l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali u li suppost introduċa l-prinċipju tal-Equal Pay for Equal Work.

Dan qaluh f’konferenza stampa quddiem il-Head Office ta’ Transport Malta, f’Ħal Lija, ix-Shadow Minister għat-Trasport Mark Anthony Sammut u x-Shadow Minister għad-Djalogu Soċjali Ivan Castillo.

Mark Anthony Sammut qal li huwa ċar li għal darba oħra, din l-Awtorità suppost indipendenti u regolatorja, qed tintuża għal interessi politiċi partiġjani, b’detriment għal ħaddiema onesti u kompetenti li qed jinqabżu jew jispiċċaw ma jistgħux jagħmlu xogħolhom sew minħabba li jitpoġġew fuqhom nies li ma jkunux kompetenti, u li jitpoġġew biss għax jaqdu l-interessi tal-Partit Laburista jew tal-Ministru.

Hemm numru ta’ nuqqasijiet li qed isiru mill-Awtorità, fosthom:

  • Ħaddiema li ilhom ma’ Transport Malta minn meta din kienet l-Awtorità dwar it-Trasport (ADT) qabel l-2013, suppost li huma intitolati għal pre-retirement leave meta jaslu biex jirtiraw, bl-istess kundizzjonijiet tal-ħaddiema taċ-Ċivil, kif jispeċifika l-Ftehim Kollettiv. Ħafna ħaddiema minn dawn li kienu waslu biex jirtiraw kellmuna li l-Awtorità qed tagħmilhielhom diffiċli biex jieħdu dan il-benefiċċju sħiħ.  Jidher li f’każijiet minnhom saħansitra tnaqqsilhom nofs dak il-leave li huma intitolati għalih. Għalfejn? Veru li Transport Malta mhix iżżomm mal-ftehim għax tilfet id-data u l-informazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema?
  • Qed joħorġu biżbilju sejħiet ta’ vacancies, għexieren fi ftit xhur, u m’hemmx standard fir-rekwiżiti mitluba. Pereżempju biex idaħħlu Clerk minn barra l-Awtorità, b’sejħa esterna, intalbu sitt O Levels u ECDL. Imbagħad b’sejħa oħra esterna ftit żmien wara għal Executive, li huwa erba’ gradi ogħla mill-Clerk, ħames snin esperjenza ġo uffiċċju kienu biżżejjed.
  • L-istess nuqqas ta’ standards, u l-istess ksur tal-Ftehim Kollettiv huwa ċar anke fil-calls interni għal Assistant Managers. Il-Ftehim jgħid li għal Assistant Manager għandhom joħorġu sejħiet interni li jikkwalifikaw għalihom dawk li ilhom ħames snin fil-Grad ta’ Executive. Minflok, ħarġu sejħiet li jirrikjedu tliet snin biss, oħrajn li jitolbu sentejn, oħrajn li jitolbu sitta. Daqqa jitolbu li l-kandidat ikollu Degree, daqqa le. Mingħajr standards ta’ xejn.
  • Anke meta mmorru għal gradi iżjed għolja, dawk ta’ Diretturi, b’paga ogħla minn tal-Prim Ministru, qed jiġri l-istess. Ċertu sejħiet, jitolbu biss “esperjenza” mingħajr ebda kwalifiki, u lanqas O Level mhu mitlub. F’oħrajn jintalab livell ta’ Masters.

Għalfejn dawn id-diskrepanzi kollha? Għaliex ir-rekwiżiti ta’ skali għolja huma inqas minn ta’ skali li qegħdin erba’ gradi ’l isfel? Għax kollox maħdum skont il-persuna jew persuni li jkunu magħżulin minn qabel?

Ivan Castillo tkellem ukoll fuq kif l-Awtorità qed tikser l-Avviż Legali tal-Equal Pay for Equal Work li l-Gvern tant ftaħar bih u li ħabbar qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali, għalkemm dan daħal fis-seħħ sitt xhur wara, fl-1 ta’ Jannar li għadda.

Huwa qal kif f’dawn is-sejħiet minn barra, inqabżu ħaddiema tal-kuntrattur, kważi kollha Maltin, li jagħmlu l-istess xogħol fi Transport Malta u li ilhom jagħmluh snin.

Skont Artiklu 5 tal-Avviż Legali 128 tas-sena l-oħra, suppost li l-Awtorità tinforma lil dawn il-ħaddiema assenjati lilha mill-kuntrattur bil-vacancies li jkollha, biex ikollhom “l-istess opportunità bħall-ħaddiema l-oħra” impjegati direttament magħha biex isibu impjieg permanenti.

Minflok, mhux talli Transport Malta mhix qed tinforma lil dawn il-ħaddiema, imma talli f’ċerti każi qiegħda tirrifjuta li tikkunsidra biss l-applikazzjoni tagħhom, meta suppost dawn jingħataw l-istess opportunità bħal ħaddiema tal-post.

Dan hu Gvern li qed jiddiskrimina bejn il-ħaddiema, li qed joħloq ħafna inġustizzji, li jagħmel liġijiet biss għal fuq il-karta, u li qered kull sens ta’ struttura u progressjoni li kellha Transport Malta.

Gvern ġdid Nazzjonalista jirriforma l-mod kif din l-Awtorità topera u kif inhi strutturata, biex tassew isservi ta’ regolutar kompetenti tat-trasport f’Malta. Apparti minn hekk, jara li jiġi rispettat kull Ftehim Kollettiv li jkun hemm mal-ħaddiema, u jsewwi l-inġustizzji kollha li qed jitwettqu minn dan il-Gvern għal skopijiet partiġjani.