minn Charles Camenzuli
Oviedo, Mejju 1997: Għal bosta l-isem ta’ NOAH KLIEGER ma jfisser xejn. Fl-istorja, iżda, dan Noah Klieger kellu rwol importanti. Huwa figura marbuta mal-mixja u rieda tal-poplu Lhudi fl-agħar żminijiet tal-ħakma Nazista. Kont ili naf lil Klieger għal aktar minn erbgħin sena u dejjem baqa’ attiv. Ir-rakkonti tiegħu dwar Shoah – Olokawst ma jaqtgħu xejn. Għal Klieger, iżda, l-isport kellu rwol importanti fit-tfassil u d-destin ta’ ħajtu. Baqa’ jgħix għax ħabb l-isport għaliex skont hu bl-isport kapaci jegħleb kull ostaklu.
Min kien iżda Noah Klieger, il-bniedem ta’ Auschwitz nr. 172345?
Min hu midħla tal-basketball internazzjonali jaf żgur ir-rabta li Klieger kellu ma’ dan l-isport u s-sehem li dejjem ta lill-midja fil-qasam internazzjonali. Il-bniedem nr. 172345, iżda, kien dejjem dak dispost li jiltaqa’ ma’ kulħadd u bl-ebda mod qatt ma ried jgħatti d-dell tal-passat.
X’kienet ir-realtà f’Auschwitz u l-mod kif daħal fid-dinja tal-isport f’mument meta saħansitra kollox deher mitluf?
Stramba. Fis-snin kollha li kont naf lil Noah Klieger u li miegħu qsamt bosta esperjenzi, rari kienu l-ġranet meta rajt lil Klieger bi qmis bil-kmiem twal jew liebes ġlekk. Għall-bidu kont ħsibt li forsi dan kien xhieda tal-mod informali li bih Klieger dejjem ikkomunika ma’ kull min kien qribu. Wara ftit iżda rrealizzajt li ried iħalli jidher il-fatt li huwa kien il-bniedem numru 172345. Dak it-timbru tatwat bil-linka biex ma jitħassarx li n-Nazi għamlulu fuq driegħu.
Bdejna. Ridt inkun naf mingħandu b’mod ċar min huwa Noah Klieger. “Klieger twieled fi Strasburgu, Franza fil-31 ta’ Lulju 1925. Jonathan, ħija l-kbir, twieled il-Ġermanja, iżda wara l-familja minn Franza, fl-1938, meta kelli tlettax-il sena, morna lkoll il-Belġju. Deportat min-Nazi f’Auschwitz fl-1943, meħlus fid-29 ta’ April 1945 mit-truppi Sovjetiċi f’Ravensbruck. Minn hemm għal Pariġi u bidu tal-karriera fil-ġurnaliżmu.”
Kompla illi: “Noah Klieger iżda fuq kollox segwa l-akbar ġurijiet kontra l-kriminali Nazisti. L-ewwel wieħed f’Novembru 1945 fil-Ġuri Brendon kontra uffiċjali li kienu mexxew il-kamp ta’ konċentrament fil-Belġju. Minn hemm is-serje ta’ ġurijiet tal-uffiċjali ta’ Awschwitz fi Frankfurt, ta’ Medanic f’Dusseldorf u żewġ ġurijiet Treblinka f’Dusselforf, il-ġuri Kramer, dak ta’ Burgemeslin f’Durenburg u dak ta’ Adolf Eichmann f’Ġerusalemm u l-ġuri Balbi f’Lyon fi Franza.
Dawn kienu forsi l-aktar importanti, hemm ukoll dak li sar f’Ġerusalemm kontra l-kriminal tal-SS John Demanjuk li kien mill-Ukrajna u li kien akkużat bi qtil ta’ 850,000 persuna fi Treblinka.”
Mistoqsi dwar x’kienet ir-raġuni għaliex il-ġuri ta’ Adolf Einchmann kien ħoloq ċertu fervur, Klieger wieġeb hekk:
“Hu minnu, għaliex kien l-ewwel darba li uffiċjal tal-SS ma kienx la kamp ta’ konċentrament u lanqas qattiel ‘per se’ jew aħjar li ma għamilx l-eżekuzzjoni huwa stess b’idejh. Eichmann, iżda, kien il-persuna li mexxa l-qattiela u l-persuna li mexxa d-dipartiment li kien responsabbli mit-teorija Ġermaniża għall-qirda tal-poplu Lhudi. Il-ġuri sar f’Ġerusalemm wara li Eichmann inqabad fl-Arġentina. Kien maħrub, kontra kull konvenzjoni internazzjonali. Kien l-ewwel darba li ġuri sar f’Iżrael u ngħata l-piena tal-mewt li twettqet. Dan wettaq bidla sħiħa fis-sitwazzjoni kollha. Meta sar il-ġuri fl-1961 f’Ġerusalemm kien hemm ġenerazzjoni ġdida li ftit kienet taf bl-atroċitajiet tan-Nazi. Il-ġuri ta’ Eichmann kien qanqal kuxjenza internazzjonali.”
Klieger fl-età ta’ 16-il sena
Il-ħajja ta’ Noah Klieger, għalhekk, tfasslet fuq tliet aspetti jew perjodi. Il-perjodu ta’ qabel il-gwerra, il-ħajja fil-kamp ta’ konċentrament u dak li seħħ wara t-Tieni Gwerra. Dwar dan l-istess Klieger għamel enfasi li: “….il-perjodu ta’ qabel il-Gwerra huwa wieħed qasir. Kollox seħħ meta missieri, bniedem għaqli mwieled fi Franza u li kien studja fl-aqwa universitajiet fil-Ġermanja, kien intebaħ li meta Adolf Hitler fil-bidu tas-snin 30 ħa l-poter kien ħalef li ried jeqred il-poplu Lhudi. Missieri għamel minn kollox biex kemm jien u kemm ħija jkollna l-visa meħtieġa. Ħija, minkejja li kien akbar minni, spiċċa l-Ingilterra fi skola magħrufa Shivaz. Jien ma stajtx nivvjaġġa. Missieri ħa l-familja minn Franza għall-Belġju. Missieri kien ħaseb li r-Re Leopoldu III li kien isegwi l-passi ta’ Hitler ma kienx se jiġi attakkat. Dak iż-żmien wieħed seta’ ħaseb li l-Belġju kien pajjiż newtrali.”
Waqt li għamel riferenza għall-Belġju, deher kommoss għall-fatt li dan il-pajjiż tant kien importanti f’ħajtu. Irrakkonta li: “Fil-Belġju konna soġġetti għal liġijiet marbuta mal-poplu Lhudi. Kellna nilbsu l-istilla safra b’sitt ponot kif ukoll kellna noqogħdu għal ‘curfew’ li wara t-tmienja ta’ filgħaxija ħadd ma seta’ jitlajja’ fit-toroq. Dan kien il-bidu ta’ miżuri fil-konfront tal-Lhud fil-Belġju. Lejl wieħed bħal kull żagħżugħ ta’ 16-il sena, kelli ħabiba li kienet tgħix fuq in-naħa l-oħra ta’ Brussels f’Anderlecht filwaqt li jien kont noqgħod f’St Juste en Molde. Biex niltaqgħu kont immur bil-bicycle. Għadda l-ħin, skorrew it-tmienja ta’ filgħaxija. Qlajt l-istilla safra minn fuqi. Ħsibt li għax kont daqsxejn ta’ żagħżugħ xejn ma seta’ jinqala’. Wasalt Brussels, fid-daħla li llum inbidlet għalkollox. Kien hemm ħafna pjazez fosthom Avenue de Midi. Rajt, iżda, li l-Ġermaniżi għalqu t-toroq. Bdew jikkontrollaw id-dokumenti ta’ kull min kien fit-triq. Ma kontx naf x’seta’ jiġri iżda daqstant ieħor kont naf li dak il-ħin ma kellix inkun barra. F’salt wieħed ilmaħt il-ġnien qrib Rue de Midi fejn deher li kien hemm xi nies isegwu xi attività.
Tħallatt mal-folla u spiċċajt fl-ewwel filliera. Sibt ruħi nsegwi logħba ġdida għalija: il-basketball. Kien l-ewwel impatt ma’ dixxiplina sportiva li kellha tagħmel parti importanti f’ħajti u wisq aktar fil-professjoni. Is-suldati Ġermaniżi għaddew, jien bqajt għal aktar ħin insegwi l-logħba u litteralment ġejt u kont salvat mill-basketball.”
L-enfasi ta’ Noah Klieger fuq il-basketball ma waqfitx hawn tant li kompla: “…appena ġejt meħlus mill-kamp ta’ konċentrament ħlift li nwaqqaf l-ewwel Maccabi Basketball Club fil-Belġju b’rikonoxximent lejn dixxiplina tal-isport li dakinhar salvatli ħajti.”
Lura għaż-żminijiet koroh tan-Nazi, Klieger saħaq li: “Meta l-Ġermaniżi invadew il-Belġju, Franza u l-Olanda fl-10 ta’ Mejju 1940 dak li huwa magħruf bħala Blitz Krieg, dawn il-pajjiżi ma setgħux jirreżistu u ċedew f’qasir żmien. Il-ħarba lejn Franza ma setgħetx isseħħ.
Twaqqaf Moviment taż-Żgħażagħ li kien wieħed klandestin fost dawk il-Lhud li kien fadal fil-Belġju. Fassalna ħarba lejn l-Iżvizzera. Organizzajna kumitat ta’ seba’ persuni li l-età tagħhom kienet tvarja bejn 19 u 22 sena. Ta’ 16-il sena jien kont l-iżgħar wieħed. Ingħaqadna mal-forza Belġjana ‘Armee Blanche’ li kienet toħroġ dokumenti foloz biex ngħaddu tfal lejn l-Iżvizzera. Bosta drabi saħansitra kellna ngħaddu żewġ fruntieri. Irriżulta li l-Iżvizzera kienet sħab man-Nazi. Irnexxielna iżda ngħaddu 270 Lhudi tifel u tifla. Kien fadal biss aħna s-seba’ żgħażagħ tal-Moviment Klandestin Lhudi.”
Klieger tani wkoll dettalji dwar kif kienet isseħħ il-ħarba mill-fruntieri: “Il-ħarbiet kienu jsiru kull nhar ta’ Tnejn u kull nhar ta’ Ħamis. Kien ippjanat li f’żewġ gruppi żgħar imtellgħa bil-polza niddeċiedu min kellu jaqsam l-ewwel. B’solidarjetà aċċettajt li ma nkunx mal-ewwel grupp bit-tama dejjem li niltaqgħu fl-Iżvizzera. It-Tnejn kollox mexa ħarir. Bejn l-għada u l-Ħamis, iżda, it-truppi Ġermaniżi ħartu Brussels u spiċċajna l-aħħar tlieta f’Auschwitz wara li għal ftit kont internat f’kamp f’Mechelen. Sħabi t-tnejn l-oħra kienu mietu hemm.
F’Auschwitz għaddejt b’kollox 24 xahar mit-18 ta’ Jannar 1943 sas-17 ta’ Jannar 1945 meta l-Kamp ta’ Konċentrament ta’ Auschwitz kien evakwat u mhux liberat. Fl-evakwazzjoni r-Reich li kien għadu jittama li għad jirbaħ il-gwerra, poġġiena f’kamp ieħor għal xogħol aktar iebes.
Marzu 1945 sar magħruf bħala ‘Marzu tal-Mewt’ għaliex minn total ta’ 67,000 Lhudi fil-Kampijiet ta’ Auschwitz li b’kollox kienu kumpless ta’ 50 kamp, għexu biss 20,000 Lhudi fi vjaġġ bejn il-Polonja u l-Ġermanja.”
Il-ħajja taħt in-Nazi, għal Noah Klieger ma waqfitx hawn għaliex kif stqarr huwa stess: “ …b’xi mod irnexxieli nibqa’ ħaj matul ‘Marzu tal-Mewt’ kif ukoll f’Kamp ieħor f’Nordhausen, apparti li kelli nimxi wkoll għal għaxart ijiem sħaħ minn Nordhausen sal-muntanji Harz għal kamp f’Mittelbau – Dora. Hemmhekk qarraqt ukoll bil-Ġermaniżi meta għaddejt bħala mechanic espert tant li bagħtuni fil-minjiera fejn kienu jipproduċu l-missili. Wasalt f’Ravensburg meta sibt ruħi bħala bniedem ħieles fid-29 ta’ April 1945, iżda dejjem bil-marka 172345.”
Huwa kburi għall-aħħar minkejja li kien safa mmarkat għal għomru: “Dak huwa t-timbru tal-agħar Kamp ta’ Konċentrament f’Auschwitz. Kien il-kamp immexxi minn Rudolf Hesse. L-istess Hesse kien kburi li l-kamp immexxi minnu kien speċjali. Immexxi bl-akbar krudeltà u dan in-numru huwa għaliex minflok numri fuq l-ilbies bħalma kellhom f’kampijiet oħra, Hesse ried li nkunu numerati fuq id-driegħ. Infakkrek li żewġ terzi mil-Lhud li ddaħħlu fil-Kamp kienu ngħataw il-gass fuq ordni tal-istess Hesse. It-terz l-ieħor li kienu numerati ngħataw xogħol iebes f’minjieri tal-faħam u tal-azzar. Infatti ftit jafu li l-Kamp ta’ Konċentrament f’Auschwitz Monowitz inbena hemm għaliex l-art kienet tirrendi u allura l-priġunieri kellhom fejn jaħdmu.”
Mistoqsi dwar il-priġunerija li għadda minnha, Noah Klieger irrisponda hekk: “Persuna kienet normalment tgħix bejn sitta jew għaxar ġimgħat. Għaliex wieħed kien imut jew taħt il-piż tax-xogħol jew kien jinqatel mill-SS għaliex ma jibqax tajjeb biex jaħdem. Dawn kollha kellhom in-numru ttimbrat fuqhom, li kien tatwat bl-aktar mod goff l-istess bħalma jsir fuq il-bhejjem.
In-numru sfoka xi ftit, imma kien għadu evidenti fuq id Klieger
In-numru tiegħi kien u jibqa’ 172345. Jien kont u nibqa’ l-Lhudi numru 172345. Hesse ta’ min jgħid li sena wara tmiem il-gwerra kien ġie mgħallaq f’Auschwitz.”
Noah Klieger jirrakkonta wkoll kif saħansitra fiż-żmien li kien għadda fil-Kamp ta’ Koncentrament f’Auschwitz III – Monowitz, b’xi mod ħass ruħu privileġġjat. Mill-ġdid minħabba l-isport u wisq aktar bis-saħħa tal-boxing. Jirrakkonta: “Għamilt perjodu bħala boxer. Il-Kmandant ta’ Auschwitz III li kien responsabbli mill-għelieqi tas-siġar tal-gomma li konna nsejħulha ‘Buna” kien iffissat fuq il-boxing. Fost is-suldati kien saħansitra rnexxielu jifforma tim tal-boxing bid-differenza li allura kellu bżonn oppożizzjoni. Il-bouts kienu jsiru kull nhar ta’ Ħadd. Meta jkun bnazzi saħansitra fil-pjazza ewlenija bejn Kamp u ieħor. S’intendi fil-maltemp konna niġġieldu fil-barracks. Ifhem, ma kinux ġlidiet skont il-piż. Pereżempju meta dħalt fil-Kamp III f’Auschwitz inqis ruħi li kont ‘middle weight’ f’perjodu meta fil-boxing kien hemm biss tmien kategoriji u federazzjoni waħda. Jien kont niżen 72 kilo u kelli niġġieled kontra suldati Ġermaniżi ta’ madwar 55 kilo. Dan kollu kien iżda jġorr bonus jew privileġġ għaliex wara kull ġlieda kull filgħaxija kont ningħata ftit soppa. Kienet tkun soppa aħjar minn dik tal-Kamp. Barra minn hekk għal ftit sigħat kull ġimgħa kont inkun nieqes mix-xogħol biex suppost nittrenja. Fatt kurjuż aktar milli interessanti huwa li jien qatt ma kont iġġilidt qabel. Però la kont niflaħ għad-daqqiet irraġunajt li aħjar insofri fi ġlieda milli fil-qilla u l-atroċitajiet tal-Kamp. Kelli 20 ġlieda sakemm qabditni l-pneumonia li biha spiċċajt niżen biss 39 kilo. Inkredibbli.”
Dwar il-parentesi tal-boxing Klieger temm li: “Fl-1991 ġejt nominat bħala membru fil-Hall of Fame f’Los Angeles bħala rappreżentant tal-poplu Lhudi u boxer f’Auschwitz.”
Għadda l-ħin iżda r-rakkonti ta’ Klieger ikomplu dejjem bl-istess ħeġġa biex jaqsam dak kollu li kien għadda minnu. “Il-ħajja f’Kamp ta’ Konċentrament qatt ma tista’ tispjegaha. L-ebda filmat jew dokumentarju ma jista’ jwassal u juri kif kienet ir-realtà taħt in-Nazi. Kif tista’ qatt turi kif il-bniedem kien iħossu fil-Kamp nieqes minn kull dinjità… Kif kien l-istat mentali tiegħu . Daqstant ieħor ma tistax turi kif bniedem fil-Kamp ta’ Koncentrament kien jaf li l-għada meta jisbaħ tista’ jkun l-aħħar ġurnata ta’ ħajjtu. It-tama kienet li wieħed jgħix ġurnata aktar minn ħaddieħor bit-tama li jsir xi miraklu. Din it-tama iżda żammet lil xi wħud biex jibqgħu ħajjin. Ħajjin bit-tama li l-ħajja normali ta’ qabel il-priġunerija għad tasal. Is-sitwazzjoni mentali kienet tant kritika u diffiċli li saħansitra fostna kien hemm min wettaq suwiċidju.
Kien hemm min inxteħet fuq il-‘barbed wire’ li allura kien imqabbad mal-elettriku li minnu kien ikun hemm għaddej vultaġġ għoli. Oħrajn mietu għaliex moralment kienu sfiniti. Jekk wieħed jibda jaħseb x’kien għaddej naħseb li biżżejjed. Waħda mill-frażijiet li użajt fil-ktieb tiegħi: ’12 rolls for breakfast’ hija li biex wieħed għex kellu bżonn mhux miraklu wieħed iżda miraklu kuljum.”
Karriera bħala ġurnalist
Wara li rritorna mill-kampijiet Klieger beda karriera bħala ġurnalist. Fil-Belġju reġa’ ltaqa’ mal-ġenituri tiegħu, li wkoll baqgħu ħajjin f’Auschwitz. Missieru Abraham beda jippubblika rivista bil-Ġermaniż għal-Lhud Belġjani, u Noè ttraduċa artikli f’din ir-rivista għall-Franċiż.
Fi tmiem l-intervista, wara li tani kopja tal-ktieb tiegħu ‘12 rolls for breakfast’ għamel dedika specjali: ‘To a very special friend who cannot read the book but does understand it – Noah, Oviedo, May 1997’.
Fi tmiem l-intervista ried iwassal il-messaġġ tiegħu: “Il-ħajja hija xi ħaġa speċjali. Ħadd qatt m’għandu jaqta’ qalbu minn dak li tagħtih il-ħajja. Jekk wieħed ikollu sens ta’ ottimiżmu u inizjattiva, żgur li jikseb mill-ħajja dak li jrid. Problemi kulħadd għandu u jkollu però b’rieda u determinazzjoni, il-bniedem kapaċi jegħlibhom. Daqstant ieħor it-tama u l-fidi – fatturi importanti fil-ħajja ta’ kuljum.”
Ir-rakkonti minn Noah Klieger ma jiqfux.
Il-bniedem numru 172345 miet f’Tel Aviv fit-13 ta’ Diċembru 2018 fl-età ta’ 93 sena.
Id-dedika minn Klieger fuq il-ktieb tiegħu lil Charles Camenzuli – Mejju 1997
//= $special ?>