Miloš Vučević irriżenja minn Prim Ministru tas-Serbja wara xhur ta’ protesti f’Belgrad u bnadi oħra tal-pajjiż. Il-protesti żbruffaw wara inċident traġiku, f’Novembru, fejn ilqugħ tal-ġebel ċeda minn mal-ħajt ta’ bini u għal fuq in-nies, bir-riżultat li mietu ħmistax. L-inċident kien seħħ f’Novi Sad, li hi t-tieni l-akbar belt tas-Serbja u li wkoll il-kapitali tal-provinċja awtonoma ta’ Vojvodina.
Ir-riżenja ta’ Vučević kienet ikkonfermata jum biss wara li l-President Serb, Aleksandar Vučić, sostna li l-Gvern tiegħu jinsab għaddej minn riforma urġenti u estensiva bħala tweġiba għad-diversi azzjonijiet ta’ protesta u strajks organizzati mill-istudenti universitarji.
Madankollu, Vučević qal li ħa d-deċiżjoni biex jirriżenja wara li ra r-rapporti dwar xi attakki vjolenti li saru fuq l-istudenti li kienu qed jipprotestaw fil-belt ta’ Novi Sad u fejn indarbu numru ta’ persuni. Kien anki rappurtat każ fejn gruppi ta’ aggressuri armati bil-baseball bats u li ma kenux identifikati, attakkaw lin-nies li kienu qed jipprotestaw kontra l-Gvern.
Min-naħa tiegħu, Vučević, waqt diskors pubbliku, qal ċar u tond li ‘l-Gvern Serb hu fid-dmir li juri l-ogħla livell ta’ responsabblltà’ f’din is-sitwazzjoni u li hu kien qed jagħżel li jirriżenja minn Prim Ministru ‘biex ma jiżdidux il-livelli tat-tensjoni li ħakmet fost is-soċjetà Serba’. L-istess Miloš Vučević, li trabba f’Novi Sad, kien serva wkoll bħala s-Sindku tal-belt mill-2012 sal-2022.
‘Inċident dovut għall-korruzzjoni tal-Gvern’
Fil-bidu tal-ġimgħa, gruppi ta’ dimostranti kienu għalqu r-rotot għat-traffiku f’salib it-toroq prinċipali fil-kapitali Belgrad. Dan l-inċident kompla jirranka t-tensjoni flimkien mal-pressjoni fuq il-Gvern.
Il-bdiewa Serbi bit-tractors u eluf ta’ ċittadini, sadanittant, ħadu sehem f’dik il-manjiera ta’ protesta wara ġimgħat ta’ dimostrazzjonijiet fejn in-nies insistew biex l-awtoritajiet ikkonċernati juru sens ta’ kontabbiltà għall-imsemmi inċident qattiel f’Novi Sad – inċident li l-kritiċi u l-osservaturi qed jgħidu li kien dovut għall-korruzzjoni bla heda fost l-uffiċjali tal-Gvern.
Il-protesti fit-toroq ma naqsux fl-aħħar ġimgħat tas-sena u matul dan ix-xahar, bis-sitwazzjoni qed timponi l-akbar sfida u wġigħ ta’ ras għall-Partit Progressiv tas-Serbja – l-SNS – minkejja li dan qed igawdi maġġoranza soda fil-Parlament.
Min-naħa tiegħu, il-President Vučić, waqt konferenza tal-aħbarijiet, fil-preżenza ta’ Vučević u l-Ispeaker tal-Parlament Ana Brnabić, ħeġġeġ għal djalogu mal-istudenti u li fi kliemu għandu jgħin itaffi mit-tensjoni fuq livell nazzjonali.
Il-President, fl-istess ħin, irrikonoxxa s-sitwazzjoni perikoluża li żviluppat tul dawn il-ġimgħat waqt li saħaq li kwalunkwe kriżi timponi l-problemi serji għall-ekonomija nazzjonali u fuq kollox għas-soċjetà Serba.
//= $special ?>