Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li f’dinja li qed tinbidel, il-kapaċità tal-Ewropa li tadatta se tiddetermina l-futur kollettiv tagħha. Meta kienet qed tindirizza lill-mexxejja tal-industrija waqt il-“WELT Economic Summit” f’Berlin, il-President Metsola qalet: “ma nistgħux naffordjaw li noqogħdu lura waqt li oħrajn imexxu. Is-saħħa tagħna tinsab fl-għaqda, l-iskop u r-rieda. L-Ewropa mhux se ssib biss it-tweġiba – l-Ewropa se tkun it-tweġiba.”
Hija qalet li bħala President tal-Parlament Ewropew, hija impenjata li tagħmel il-legat ta’ din il-leġiżlatura wieħed ta’ prosperità u ta’ sigurtà. “Li niżguraw li l-valuri tagħna mhumiex biss kliem sabiħ iżda li nużaw dawn il-valuri biex negħlbu n-nuqqas strutturali, innaqqsu l-burokrazija, insaħħu l-kompetittività Ewropea, u jkollna tkabbir ekonomiku.” Il-President Metsola żiedet tgħid li dan ifisser li jkun hemm regolamentazzjoni effettiva, effiċjenti, u koerenti, ibbażata fuq is-sens komun.
Roberta Metsola qalet lill-mexxejja tal-industrija li l-Ewropa trid tibda tutilizza l-potenzjal sħiħ tagħha. “L-Ewropa hija b’saħħitha. Il-kumpaniji tagħna, in-nies tagħna, u l-potenzjal tagħna huma enormi. Kulma għandna bżonn huwa li nistabbilixxu l-kundizzjonijiet it-tajba biex dawn jirnexxu. Irridu nifhmu aħjar li waħedna aħna lkoll żgħar u vulnerabbli, iżda flimkien nistgħu nkunu forza globali li ma tistax tiġi sottovalutata. Huwa dak is-sens ta’ ottimiżmu realistiku li rridu nisfruttaw. Dik hija l-Ewropa li rridu nwieġbu għaliha.”
Il-President Metsola qalet li l-Ewropa trid toħloq, tibni, u tuża flusha bil-għaqal għal darb’oħra, bħalma għamlet fil-passat, u żiedet li jekk ma tagħmilx hekk, twassal biex tkun inqas kompetittiva meta mqabbla mal-Istati Uniti, iċ-Ċina, l-Indja, jew saħansitra l-Emirati Għarab Magħquda, li diġà qed jinvestu bil-kbir. Hija appellat biex l-Ewropej ma jkunux sempliċiment konsumaturi, iżda jkunu dawk li jieħdu r-riskju u jipproduċu.
Dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, l-MEP Maltija qalet li din se tbiddel kollox. “Ħares biss lejn l-impatt ta’ DeepSeek taċ-Ċina, jew it-titjib kostanti ta’ Open AI jew Grok jew Copilot. Jeħtieġ li tiġi sfruttata l-innovazzjoni Ewropea.” Hija kompliet billi saħqet dwar il-potenzjal li jiġu integrati bis-sħiħ is-swieq tal-enerġija, tal-kapital u tal-banek tal-UE. “Jeħtieġ nemmnu fil-kapaċità tal-Ewropa li tqum għall-okkażjoni. Din mhix kwistjoni ta’ riżorsi, iżda ta’ soluzzjoni. Ta’ rieda politika msejsa fuq gvernijiet b’saħħithom u kumpaniji kunfidenti.”
Il-President Metsola wissiet li l-Ewropa ma tistax taqa’ fin-nasba tal-iżolament. “Irridu nibqgħu iffukati biex ikollna kummerċ ġust u miftuħ. Fil-kuntest tal-Istati Uniti, dan ifisser li nkunu pragmatiċi u nsaħħu r-relazzjoni tagħna fl-oqsma li huma l-aktar importanti. Jiena konvinta li, filwaqt li aħna għandna nkunu ppreparati, irridu nsibu riżultat fejn jirbaħ kulħadd, aktar milli jitlef kulħadd.”
Il-“WELT Economic Summit” huwa avveniment annwali organizzat mill-kumpanija tal-midja Ġermaniża Axel Springer SE, li jiġbor flimkien personalitajiet prominenti mill-politika u n-negozju biex jiddiskutu l-isfidi u x-xejriet ekonomiċi globali attwali.