Lokali Parlament

Jeħtieġ studji dwar l-iżvilupp tal-lokalitajiet u kemm jifilħu nies u attivitajiet

Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Caludette Buttigieg appellat fl-Aġġornament tal-Parlament biex isiru studji dwar l-iżvilupp fil-lokalitajiet u dwar kemm fil-fatt dawn jifilħu nies u attivitajiet.

Claudette Buttigieg qalet li llum il-ġurnata r-residenti qed jorganizzaw lilhom infushom f’diversi lokalitajiet fosthom f’Birguma, minħabba barriera miftuħa li hi l-kaġun ta’ trab fl-arja. Issa, skont riċerka li saret, il-livell ta’ trab fl-arja hu ferm ogħla minn dak permessibbli bil-liġi.

Ir-residenti ta’ San Pawl tat-Tarġa wkoll għandhom problemi kaġunati minn barriera oħra fiz-zona. Anki r-residenti tal-Belt u Tas-Sliema għandhom ħafna problemi marbuta mal-kwalità tal-ħajja. Jirriżullta li ħadd mhu jimpurtah mir-residenti minħabba l-flus, sostniet Claudette Buttigieg, li kompliet li r-residenti issa xebgħu u qed jorganizzaw lilhom infushom. Hi qalet li r-residenti qed jiltaqgħu mal-Pulizija u jitkellmu magħhom dwar dawn is-sitwazzjonijiet.

Dwar il-problema tal-imwejjed u s-siġġijiet fuq barra fil-Belt, hi qaet li s-sitwazzjni marret minn estrem għall-ieħor, tant li fil-Belt hemm problemi kbar. Hemm diżrispett assolut lejn il-pubbliku, lejn ir-residenti u lejn ir-regolamenti. Jeħtieġ li l-proposta tal-PN li jsir studju dwar kemm jifilħu l-lokalitajiet isir b’mod immedjat.

Din is-sitwazzjoni qed twassal għal problemi fl-istat mentali tar-residenti li qed jgħixu f’tensjoni, sostniet Claudette Buttugieg, li appellat lill-kunsilli lokali biex jagħmlu l-istudji dwar kemm jifilħu l-lokalitajiet.