Lokali

L-Arċisqof jawgura li l-pajjiż ikollu aktar politiċi bħal Ġorġ Borg Olivier

Ritratt: L-Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Michael Caruana, l-awtur tal-ktieb Ġorġ Borg Olivier, Il-Bniedem, Il-Politiku u l-Missier ta’ Malta Indipendenti, dalgħodu ppreżenta kopja tal-ktieb tiegħu lill-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles Scicluna.  

L-awtur spejga lill-Arċisqof il-kontenut tal-ktieb u qal li dak kollu li għadda minnu Ġorġ Borg Olivier lejn tmiem is-snin ħamsin u l-bidu tas-snin sittin jinteressa wkoll il-Knisja f’Malta. 

Michael Piccinino, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li kien preżenti għall-preżentazzjoni tal-ktieb, tkellem dwar ir-riċerka li għamel l-awtur u x’wassal lill-Partit jippubblika dan il-ktieb fis-sittin anniversarju tal-Indipendenza ta’ Malta. 

L-Arċisqof Scicluna, wara li ta daqqa t’għajn bir-reqqa lejn il-kontenut tal-ktieb, qal li l-awtur għoġbu jwassal lill-qarrejja tiegħu memorji sbieħ u imprezzabbli. Hu awgura li l-pajjiż ikollu aktar politiċi bħal Ġorġ Borg Olivier. 

Kopji tal-ktieb Ġorġ Borg Olivier, Il-Bniedem, Il-Politiku u l-Missier ta’ Malta Indipendenti diġà ġew ippreżentati lill-ET il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, lill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia, lill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u lil bin Ġorġ Borg Olivier, Dr Alex. Se tiġi preżentata wkoll kopja lill-Prim Ministru u Kap tal-Partit Laburista Robert Abela.