L-aħħar sigħat ġabu mewġa ta’ maltemp straordinarju – anki għal dawn iż-żmenijiet tas-sena – f’diversi zoni tal-Italja u b’mod partikulari fir-reġjuni ta’ Toscana u Liguria fejn niżlet kwantità rari ta’ xita.
L-inżul tax-xita fuq livell hekk kbir jissejjaħ ‘water bomb’ u li l-effetti tiegħu nħassu bil-kbir fl-ibliet prinċipali ta’ Firenze u Genoa, flimkien ma’ bnadi oħrajn.
Dan fost l-elementi kontinwi tal-maltemp li assedjaw liz-zoni lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Toscana – bid-distretti ta’ Oltrarno u Galluzzo (li jiffurmaw parti minn Firenze) jsofru mill-inċidenzi tal-għargħar.
L-intensità tal-maltemp anki ħalla impatt katastrofiku fl-ibnadi ta’ Liguria u speċifikament fil-belt ta’ Genoa, fejn is-servizzi għall-emerġenzi qed ifittxu qalb it-tifrik tal-ħitan li ċedew taħt il-qilla tax-xita u biex huma jaċċertaw li ma kienx hemm il-vittmi.
Il-maltemp f’Liguria rranka matul il-lejl tat-Tnejn, bl-ilma mix-Xmara Entella tifqa’ l-artijiet ta’ Chiavari u bnadi oħra. Kienu anki rappurtati l-valangi tal-art fl-inħawi ta’ Valfontanabuona, fejn numru ta’ familji kellhom jabbandunaw djarhom għal raġunijiet ta’ sigurtà.
Mhux eskluż li l-maltemp kbir ikompli għar-residenti ta’ Toscana u Liguria matul il-jiem li ġejjin. Dan meta għadu fis-seħħ ‘l-allert massimu’ għall-maltemp fil-madwar tal-Golfo del Tigullio, li jinsab f’nofs ir-Riviera ta’ Liguria.
Fl-istess ħin, l-istat tal-allert f’Genoa hu indikat bħala ‘oranġjo’ li hu livell anqas mill-‘aħmar’ li jindika l-akbar possibbiltà ta’ periklu għall-ħajja.
Intant, l-inċidenzi ġodda tal-maltemp qed jidhru bħala imminenti fuq perjodu ta’ mill-anqas 24 siegħa – bit-twissijiet dwar il-valangi tal-art u l-għargħar jibqgħu validi wkoll għal numru ta’ zoni lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Toscana.
Fl-istess ħin, l-awtoritajiet reġjonali fil-belt ta’ Mulazzo, viċin ta’ Massa Carrara (f’Toscana), ikkonfermaw l-inżul ta’ aktar minn 216-il millimetru xita f’24 siegħa biss. Dan ukoll fost il-moniteraġġ tax-xmajjar Magra u Bagnone li l-livelli tal-ilma tagħhom telgħu b’mod konsistenti.
U skont it-tbassir meteoroloġiku hemm indikati aktar ħalbiet ta’ maltemp għal reġjuni oħrajn fl-Italja ‘l hinn minn Toscana u Liguria, u eqreb iċ-ċentru tal-pajjiż.
//= $special ?>