Lokali Qorti

Minn sentenza ta’ ħabs għal waħda sospiża fuq materjal pornografiku

Il-Qorti tal-Appell Kriminali bidlet sentenza ta’ tliet snin ħabs fil-konfront ta’ raġel ta’ 65 sena minn Bormla għal waħda sospiża wara li qieset li s-sentenza oriġinali fuq materjal pornografiku tat-tfal bħala waħda “eċċessiva”.

Ronnie Farrugia kien instab ħati wara li ammetta li f’Novembru li għadda kellu materjal pornografiku tat-tfal u xerrdu ma’ ħaddieħor. Farrugia kien inqabad minn ċentru fl-Istati Uniti li jirrapporta l-isfruttament tat-tfal u saħansitra saru tliet rapporti mal-Pulizija Maltija dwaru.

Fil-Qorti, Farrugia ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih u kien ingħata l-ħelsien mill-arrest. Hu kien ġie kkundannat tliet snin ħabs u ismu tpoġġa fuq il-lista ta’ sex offenders fil-pajjiż. Farrugia appella s-sentenza kontrih u qal li kellha ssir distinzjoni bejn il-każ tiegħu u l-każ ta’ persuna ġenerika li xxerred il-pornografija fuq id-dark web.

Hu saħaq ukoll li kien “vittma f’dan il-każ għaliex ġie użat” u fakkar li ammetta mal-ewwel meta tressaq il-Qorti. L-Imħallef ikkunsidra li Farrugia huwa anzjan illum il-ġurnata iżda għandu kondotta nadifa u ammetta fi stadju bikri. Qal ukoll li fid-dawl ta’ dan, is-sentenza ta’ tliet snin ħabs hija eċċessiva u jħoss li sentenza sospiża hija aktar xierqa.

Għaldaqstant, Farrugia ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin minflok tliet snin ħabs effettivi filwaqt li ismu nżamm fuq ir-reġistru.

L-Imħallef Neville Camilleri ppresieda l-appell.