L-investigazzjoni tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali (NAO) dwar il-governanza tal-Kummissjoni tal-Films, tal-Malta Film Week u tal-Malta Film Awards sabet nuqqasijiet fil-governanza, fit-traspareenza u fid- dokumentazzjoni bankarja fl-operat involut.
Il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (NAO) llum beda jinvestiga r-Rapport tal-Awditur Ġenerali Evaluating the role of the Malta Film Commission in Promoting the Maltese Film Industry‘, kif ukoll il-kontijiet tal-awtoritajiet statutorji, inkluż organizzazzjonijiet parastatali, li jaqgħu taħt il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Ministeru għal Għawdex għas-snin 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024.
Fis-seduta tal-lum xehdu d-Deputat Awditur Ġenerali Noel Camilleri u l-Assistent Awditur Ġenerali William Peplow.
Il-kumitat kien presedut mid-deputat Nazzjonalista Darren Carabott u għall-Oppożizzjoni pparteċipaw id-deputati Nazzjonalisti Claudette Buttigieg u Graham Bencini. Għall-gvern ipparteċipaw id-deputati Laburista Andly Ellul, Glen Bedingfield, Alex Muscat u Amanda Spiteri Grech.
Id-Deputat Awditur Ġenerali Noel Camilleri qal li l-NAO investiga l-Malta Film Week, il-Malta Film Awards, il-governanza tal-Kummissjoni tal-Films u r-rebate scheme li titħaddem fl-industrija.
Hu qal li fil-Malta Film Awards ma kienx hemm rapporti konklussivi fil-kuntest ta’ jekk dawn l-avvenimenti kenux ta’ valur għall-flus minħabba nuqqas ta’ dokumentazzjoni dwar il-miri speċifikati, nuqqas ta’ ċertezza li d-dokumentazzjoni ppreżenetata lill-NAO kienet tkopri kollox, nuqqas ta’ audit trails, minħabba li kollox kien mitfugħ fl-istess keffa, minħabba nuqqas ta’ kuntratti u servizzi li ngħataw bi tpartit flok jitħallsu bi flus u minħabba li r-rapporti finanzjarji ta’ bejn l-2019 u l-2022 ma kenux preżentati.
Kien hemm ukoll diversi kwistjonijiet finanzjarji oħra li llimitaw ix-xogħol tal-NAO f’din l-investigazzjoni li wasslu biex ma sarux l-investigazzjonijiet meħtieġa.
Dwar il-governanza tal-Kummissjoni tal-Films, id-Deputat Awditur Ġenerali qal li t-tliet diretturi li hemm mhumiex eżekuttivi meta ħlief, għal eċċezzjonjiet, kellu jkun hemm taħlita bejn diretturi eżekuttivi u oħrajn li mhumiex. Aspett ieħor kien id-dewmin tal-preżentazzjoni tar-rapporti finanzjarji li waslu għand l-NAO fl-2024, snin wara li suppost kienu tlestew. Kien hemm ukoll nuqqas ta’ dokumenti dwar l-istrateġiji.
Hu qal li l-istrateġija ppreżentata ma kellhiex dokumentazzjoni u kien hemm nuqqas ta’ rapporti dwar sostenibbiltà; liema rapporti fil-fatt ma jeżistux. Il-pjani kummerċjali ma kellhomx pjan komprensiv ta’ riklamar, sostna d-Deputat Awditur Ġenerali, li qal li ħafna mir-riklamar li jsir isegwi dak li fil-fatt isir fl-industrija. Ix-xogħol kollu li jsir irid ikun dokumentat, sostna d-Deputat Awditur Ġenerali, li kompla li kien hemm ukoll nuqqas ta’ ħaddiema li jeffettwa d-deċiżjonijiet u nuqqas ta’ segregazzjoni ta’ doveri li jwassal biex jonqsu l-kontrolli. Dwar l-ispiża kapitali, id-Deputat Awditur Ġenerali qal li sar titjib fuq it-tankijiet tal-films u li bejn l-2019 u l-2022 kienu allokati €7.2 miljun iżda €4.8 miljun minnhom ma kenux minfuqa.
L-Assistent Awditur Ġenerali William Peplow qal li l-Kummissjoni tal-Films kienet qed topera tliet skemi fosthom dik tar-rebates u oħrajn immirati għall-industrija lokali tal-films. Hu qal li kien hemm nuqqas ta’ rapporti finanzjarji awditjati li wassal għal inkwiet dwar it-trasparenza fost l-investigaturi. Ir-rapporti finanzjarji mitluba waslu għand l-NAO snin wara u kien hemm ukoll nuqqasijiet ta’ ppjanar.
Hu tratta l-Malta Film Week li saret bejn l-24 u l-29 ta’ Jannar 2022 bl-iskop li tirrikonoxxi 100 sena ta’ servizzi ta’ films f’Malta. Jirriżulta li l-ispiża għal din l-attività kienet €1.3 miljun, esklużi xi attivitajiet li ddaħħlu f’din l-attività li kienu bartering. Dawn l-€1.3 miljun kienu maqsuma f’diveri taqsimiet fejn il-gvern ipprovda €400,000, kien hemm sponsor ta’ €500,000 mill-MTA, sponors ta’ €99,000 minn erba’ kumpaniji lokali u €330,000 mill-fondi tal-Malta Flms Studios.
Jirriżulta li, minkejja t-talbiet li saru, il-Kummissjoni tal-Films ma bagħtitx il-bank statements tagħha lill-NAO għall-investigazzjonijiet.
Dan wassal biex ikun diffiċli biex l-NAO jistabbilixxi kemm swew diversi avvenimenti anki minħabba li ma kienx hemm kuntratti għal diversi servizzi u ma kienx hemm line items għall-Malta Film Awards u l-Malta Film Week. L-NAO ma setax ikun ċert x’influwenza kellhom ċertu nefqiet fuq l-avvenimenti. Dawn in-nuqqasijiet wasslu biex l-NAO jiddikjara kemm fil-fatt swew dawn l-avvenimenti.
L-uffiċjal tal-NAO William Peplow qal li minħabba nuqqas ta’ dokumentazzjoni u ta’ miri speċifikati, ma kienx possibbli jkun stabbilit jekk kienx hemm valur ta’ flus fil-Malta Film Week. Nuqqasijiet oħra kienu dokumentazzjoni dwar l-istrateġija tar-riklamar, sostna William Peplow.
Is-seduta kienet aġġornata għal nhar it-Tlieta li ġej meta se jkomplu jixhdu l-uffiċjali tal-NAO.
//= $special ?>