Lokali

OPINJONI: Id-diżonestà fil-politika

Huwa possibbli li politiku jkun onest għall-aħħar? Mistoqsija bħal din tolqot fil-laħam il-ħaj lid-demokraija

minn Mark Said

Meta l-elettorat Malti jwarrab lill-politiċi għaliex diżonesti, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet influwenti jissaħħew. Iżda kull politiku Malti mħarreġ sew jaf li l-ambigwità u l-kompromessi jafu jipprevalu fuq is-sewwa universali.Huwa minħabba f’hekk li d-diżonestà fil-politika taf tieħu diversi forom.

Waħda minnhom hija raġel jew mara diżonestà: sempliċi u ovvju minn daqshekk. Fl-agħar ipoteżi, persuna bħal dik tkun mexxej diżonest, ideologu diżonest, inkella diplomatiku diżonest. Forma oħra hija dak il-politikant dilettant, għalkemm b’intenzzjonijiet tajba. Xejn professjonali u ħawwadi, l-azzjonijiet tad-dilettant jagħmlu ħsara lill-interessi li hu jew hi jixtiequ jippromwovu. Kellna aktar minn episodju wieħed ta’ dawn it-tip t’azzjonijiet bil-konsegwenzi kollha tagħhom fil-qasam turistiku.

Kompetenzi u ħiliet
Imbagħad għandek dawk li jinqdew bil-kompetenzi u ħila tagħhom għal għanijiet ulterjuri malizzjużi. Ikunu mħarrġa u intelliġenti imma bla qalb, bla skrupli, imneżża’ mill-umiltà u jħassbuna ħażin. Dawk huma politikanti li jġibu l-għajb fuqhom innfushom billi jagħmlu minn kollox biex jilħqu l-ambizzjonijiet tagħhom, huma x’inhuma r-riskji u ma jimpurthom xejn dwar il-ħsara li jikkaġunaw lil ħaddieħor.

Il-fanatiċi politiċi wkoll huma diżonesti peress li jagħmlu bil-konvinzjoni li huma assolutament dejjem għandhom raġun f’kollox. Ikunu inflessibbli u bla emozzjonijiet, bħal romblu lest li jgħaffeġ kulma jsib quddiemu. B’kuntrast, il-politiċi opportunisti mhumiex inqas diżonesti għaliex ma jkollhom ebda idea ta’ viżjoni. Ikunu bla spina, ma jħaddnu ebda prinċipji u jaħarbu minn kull responsabbiltà.

Tiftakru kif, meta kibret il-pressjoni fuq l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, membri tal-partit tiegħu rrivedew il-pożizzjoni tagħhom? Kellhom deċiżjoni x’jieħdu: ineħħuħ jew iżommuh? Dawk li riduh jitlaq beżgħu li n-nies ma kenux ser jaħfru s-sensiela ta’ atti korrotti u skandalużi li kellhom l-oriġini tagħhom f’Kastilja waqt li l-bqija tal-pajjiż kien qed jgħix f’ambjent surreali. Dawk li xtaquh jibqa’ ħassew li kellu jibqa’ peress li Joseph Muscat kiseb tant suċċessi elettorali qabel dawk l-iskandli. L-istess atteġġjament nistgħu narawh għal darb’oħra minn meta Robert Abela ħa t-tmun tal-Moviment Laburista.

Ħtieġa ta’ kwalitajiet sani
Fost firxa ta’ karatteristiċi li l-politiċi wieħed jistenna li jkollhom, li jkunu onesti tkun quddiem nett fil-lista. Warajha, wieħed jistenna li huma jammettu l-iżbalji tagħhom. Li jwettqu u jżommu mal-wegħdiet tagħhom u li jkunu t’eżempju m’għandhomx ikunu ħafna aktar ’l isfel fil-lista.

X’jaħsbu l-Maltin dwar l-importanza tal-onestà fil-politika? Immaġinaw prim ministru li jkollu jagħżel bejn li jaġixxi onestament inkella li jagħmel politika li l-maġġoranza tkun trid, jiġifieri li jkun populist.
Tgħid il-maġġoranza kieku tmur għall-onesta’ jew, minflok, li egoistikament jirċievu dak li jixtiequ? Jippreferu demokrazija b’saħħitha, li titlob li l-politiku għandu dejjem jimxi fi ħdan ir-regoli ta’ demokrazija sana, jew demokrazija b’tifsira li jittieħdu u jiġu implimentati d-deċiżjonijiet, anke jekk dan ifisser li xi minn daqqiet il-politiku jkollu jikser dawk ir-regoli?

Il-poter għandu jkun fdat
Huma ħafna dawk li ma jafdawx lill-politiċi, u jafdaw l-inqas dawk il-politiċi li l-aktar għandhom poter. Għaldaqstant, jistennew li jkun hemm limiti fuq x’jistgħu jagħmlu jew ma jagħmlux dawk li jkunu fil-poter. Bosta huma dawk mhux sodisfatti bil-mod kif id-demokrazija qegħda titħaddem f’Malta llum għaliex hemm nuqqas t’onestà u integrità fil-politika. Aktar u aktar huma dawk favur poteri akbar lill-Parlament u l-Qrati fil-konfront tal-Eżekuttiv.

Il-Maltin ta’ rieda tajba jistennew li l-mexxejja u rappreżentanti tagħhom jaġixxu b’integrità, u jistennew li sistema ta’ bilanċ u kontabbiltà fuq il-poter eżekuttiv tinżamm. Mexxej jew rappreżentant li jivvjola dawk il-prinċipji jagħmel ħsara lilu nnifsu u jeqred il-kunfidenza fid-demokrazija. Il-każ tal-Membru Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar forsi huwa l-aħjar eżempju ta’ dan l-argument.

Forsi taf tinstema’ paradossa, imma kieku kulħadd kien onest, il-politika kienet tispiċċa rrelevanti u tedjanti. Dan ma jfissirx li m’aħniex kapaċi nidentifikaw politiċi onesti meta nintebħu bihom. Nistgħu naqsmuhom f’żewġ kategoriji: il-moralist politiku u l-politiku morali.

Il-moralist politiku huwa dak li jiffissa fuq il-moralità fl-eżerċizzju tal-politika, fissazzjoni kemxejn ċinika. Il-politiku morali, mill-banda l-oħra, huwa dak li jiċħad il-pragmatiżmu ċiniku imma li ma jaqax fil-moralità pwerili.

Huwa l-politiku li jqis il-politika bħala għodda biex jintlaħaq il-ġid komuni. Ma jkunx ta’ subajh f’ħalqu u jaf li l-paċenzja, il-kompromess, u politika mingħajr skossi huma spiss meħtieġa. Biss, fil-mixja biex jinkisbu ċerti miri, ikun politikant li ma jinjorax il-miri l-kbar.

Prinċipji u kuraġġ
Fil-qosor, politiku onest iħaddan pragmatiżmu mibni fuq prinċipji u jkollu l-kuraġġ li ma jibżax jgħid is-sewwa, anke jekk ma jinżilx sew man-nies, però dejjem b’atteġġjament kostruttiv. F’dan is-sens, ftakkru ftit fil-kuraġġ li l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana wera meta indirettament ħadha kontra l-Prim Ministru u l-Ministru Silvio Schembri. Tiegħu ma kenitx kritika irresponsabbli peress li kien akkanit li jikxef u jġib il-problema fid-dominju pubbliku, flimkien mar-rieda tiegħu li nfittxu u nipproponu soluzzjonijiet fattibbli.

Huwa għalhekk li l-governanza hija spiss l-aħjar mod ta’ kif titkejjel l-onestà politika. F’pajjiżi demokratiċi, jekk politiku li jkun kritiku t’oħrajn waqt li jkun fl-oppożizzjoni jirriżulta li hu stess ikun ineffettiv jekk u meta fil-gvern, il-votant jista’, u spiss hekk jagħmel, jikkastiga d-diżonestà tiegħu bil-vot tiegħu meta joħroġ u jmur jivvota.

L-itqal test għal politikant onest ikun meta huwa jkollu jiddefendi ideat li ma jinżlux tajjeb mal-poplu, imma li jkunu meħtieġa. Mhux kull politikant jgħaddi minn test bħal dak, partikolarment meta xi elezzjoni tkun qed tersaq. B’danakollu, huma l-politiċi diżonesti biss li jekwiparaw il-politika mal-popolarità.

L-onestà fil-politika
Iżda l-onestà politika mhix ir-responsabbiltà esklussiva tal-politiċi. L-opinjoni pubblika wkoll għandha sehem x’tilgħab. Il-politiċi eletti huma riflessjoni tal-elettorat. Irridu nkunu kapaċi niddistingwu bejn dawk li jridu jagħmlu l-karriera politika tagħhom waħda onestà u jkunu mexxejja idonji, u dawk li jinqdew bil-politika biex jagħmlu gwadann personali u jqarqu bin-nies.

L-onestà u l-politika m’għandhomx aktar jibqgħu skomdi jew għedewwa fl-istess sodda.