Lokali Parlament

Petizzjoni fil-Parlament Ewropew kontra l-istorbju eċċessiv

Albert Buttigieg, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg qal li flimkien mal-MEP Peter Agius kien għamel petizzjoni fl-UE li se tkun diskussa fil-Parlament Ewropew biex issir enfasi fuq il-gvern Malti biex iwettaq fil-prattika dak li qed iwiegħed.

Fil-Parlament, Albert Buttigieg tkellem dwar l-istorbju eċċessiv li jtellef il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u qal li r-residenti tal-lokalitajiet madwar Tas-Sliema, il-Gżira u San Ġiljan huma kontinwament bumbardjati mill-istorbju; minn filgħodu sa fil-għaxija. Hu tratta l-istorbju eċċessiv u storbju li jagħti fastidju u qal li ma tistax din id-distinzjoni għaliex din kwistjoni suġġettiva li qed twassal biex ma jittiħdux il-passi neċessarji.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li hemm tieqa fil-liġi li twassal biex ikun hemm min jagħmel li jrid u żied li l-istobju jitratta dak tal-kostruzzjoni li kontinwament jagħmel l-istorbju. Dan jikkaġuna sofferenza lir-residenti partikolarment lill-anzjani, sostna Albert Buttigieg, li kompla li minkejja r-regoli partikolarment dawk dwar is-sajf, ikun hemm nies bil-kuntatti li jingħataw l-eżenzjoni biex ikomplu jħaffru matul is-sajf. Dan joħloq inkonvinjent lir-residenti u lit-turisti.

Albert Buttigieg kompla li jkun hemm ukoll inkonvinjenti dwar il-ħinijiet li fihom isiru x-xogħlijiet; liema ħinijiet qed ikunu abbużati.

Storbju ieħor li qed jikkaġuna problemi hu l-istorbju eċċessiv kaġunat minn mużika eċċessiva, sostna Albert Buttgieg, li kompla li issa qed isiru anki tiġijiet f’ċertu lidos sa kmieni filgħodu. Storbju ieħor qed ikun ikkaġunat minn klijenti ta’ ħwienet li jkunu fuq siġġijiet u mwejjed proprju taħt it-twieqi tar-residenti. Dawn is-sitwazzjonijiet qed joħolqu problemi psikoloġiċi fuq ir-residenti

Albert Buttigieg qal li l-poplu m’għandux ikun seftur tal-ekonomija u ħadd m’għandu jbati biex ħaddieħor jagħmel il-flus. Hu appella biex ikun hemm l-ippjanar neċesssarju biex iz-zoni residenzjali jkunu protetti.

Id-deputat Nazzjonalista qal li ċertu lukandi żgħar iwasslu għal abbużi min-numru ta’ żgħażagħ. Hu tkellem fuq l-importanza tal-infurzar tal-liġijiet u qal li jrid ikun ikkunsidrat li l-mużika kontinwa minn ċertu lidos qed toħloq problemi kbar għan-nies.