Christopher Scerri ta’ 46 sena minn Ħal Qormi li kiser difrejh mal-liġi diversi drabi u li anke jinsab bil-libertà proviżorja fuq każ ta’ omiċidju u għandu każijiet pendenti oħra, kellu s-sentenza ta’ seba’ snin ħabs imnaqqsa għal 18-il xahar wara li nstab ħati ta’ serqa minn dar ta’ koppja anzjana.
Dawn kienu sfaw vittmi ta’ din is-serqa sakemm ħarġu għall-quddies. Huwa nstab ħati li seraq €10,954 fi flus kontanti u €4,000 f’ġojjellerija. Il-każ kien seħħ fis-6 ta’ Settembru tal-2009 għall-ħabta’ tat-7.45am. f’Ħaż-Żabbar, u kien dam ma ġie deċiż mill-Qorti tal-Maġistrati.
Fuq il-każ kien hemm ukoll appell minħabba żball legali. Il-Qorti tal-Appell Kriminali kienet iddeċidiet li jerġa’ jinstema’ l-każ, li spiċċa quddiem il-Maġistrat Ann Marie Thake. Is-serqa fir-residenza tal-koppja anzjana seħħet fi Triq Wied il-Għajn, liema serqa saret mingħajr ebda tip ta’ sgass. Il-bażi ta’ dawn il-proċeduri kienet ix-xhieda ta’ ċertu Omar Pisani.
Dan, qal li huwa ġie avviċinat minn ċertu Freddie Delia, li wkoll kien akkuiżat b’din is-serqa, sabiex jagħtih ċavetta tad-dar tal-vittmi u dan minħabba l-fatt li Pisani kien dak iż-żmien joħroġ mat-tifla tal-istess koppja misruqa.
Pisani qal ukoll li kien iltaqa’ ma’ Delia sabiex jagħtih iċ-ċavetta u hemmhekk kien hemm ukoll Christopher Scerri li kien preżenti waqt din il-konverżazzjoni. Il-Qorti eżaminat jekk fil-fatt għandhiex biżżejjed provi sabiex tkun moralment u legalment sodisfatta mingħajr dubju raġonevoli bil-ħtija ta’ Scerri u jekk hemmx provi biżżejjed sabiex issib ħtija u dan bix-xhieda ta’ Omar Pisani, li d-difiża ssostni li ma tistax tkun meqjusa bħala xhieda affidabbli għall-mod ta’ kif xehed. Mill-atti tal-proċess jirriżulta li min daħal ma sgassa l-ebda bieb u minn hemm ittieħdet is-somma ta’ €10,954 fi flus kontanti u ġojjellerija li kienu jammontaw għall €4,000.
Il-Pulizija ġabu aktar informazzjoni wara telefonata anonima minn raġel. Dan qalilhom li s-serqa saret minn żewġ persuni maskili b’vettura tal-marka Mitsubishi Pajero. Irriżulta li minn investigazzjoni ulterjuri u wara li nfetħet inkjesta Maġisterjali, il-Pulizija setgħu jikkonfermaw dan permezz ta’ filmat ta’ ħanut li juri din il-karozza Pajero ta’ kulur griż ċar li minnha joħorġu żewġt irgiel fis-6.50am.
Dawn daru l-kantuniera fejn tinsab id-dar tal-koppja anzjana u jidhru jiġu lura għas-7.10am bi xkora qisha nvesta mimlija u minn hemmhekk jidhru jidħlu fil-karozza u jitilqu ‘l hemm. Irriżulta li din il-karozza kienet tappartjeni lil Diane Scerri li kienet il-mara ta’ Christopher Scerri. Dan ġie arrestat ftit wara, u dan wara tfittxija li saret f’residenza fil-Gżira ta’ ċertu Muriel Micallef fejn ta’ spiss kien jorqod hemmhekk, kif ġie kkonfermat mill-istess Micallef.
Minn din ir-residenza kien ġie elevat flokk aħdar simili ħafna ta’ dak milbus minn wieħed mill-ħallelin fil-filmat tas-CCTV u dan kien ikkonfermat minn Muriel Micallef, li kien ta’ Christopher Scerri. Wara li ġie mitkellem Omar Pisani fuq talba tal-familja li nsterqet, huwa kkonferma li ċ-ċavetta kien taha hu lil Freddie Delia wara nsistenza minn naħa tiegħu peress li Pisani kellu abbuż tad-droga u kien ta’ sikwit jixtri d-droga mingħandu, u waqa’ għal din il-pressjoni u tahielu.
Huwa jgħid li meta ta ċ-ċavetta lil Delia, miegħu kien hemm Christopher Scerri li ġie introdott lilu bħala persuna tajba fil-mestier tas-serq u wara li dawn għamlu kopja taċ-ċavetta, reġgħu tawhielu. Scerri nstab ħati wkoll li kien reċediv u li kiser il-kundizzjonjiet marbuta mal-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ reati separati, li allegatament wettaq fil-passat.
Każ li jmur lura 15-il sena u l-imputat qed jagħmel progress
Fl-ikkalibrar tal-piena, il-Qorti qalet li ma tistax tinjora l-fatt li din il-kawża ilha pendenti kważi 15-il sena u tirrigwarda reat li ġie kommess fl-2009. Għalhekk, b’rispett lejn id-dritt tal-imputat għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli.
Fil-fehma tal-Qorti jkun inġust lejn l-imputat li l-progress li jirriżulta li għamel fir-riabilitazzjoni tiegħu u l-ġlieda tiegħu kontra d-droga jiġi injorat u li jingħata piena daqslikieku l-imputat m’użax is-snin li għaddew waqt li din il-kawża kienet pendenti biex jagħmel l-almu tiegħu biex jibdel ħajtu.
Il-Qorti iżda qalet ukoll li lanqas ma tista’ tinjora l-gravità tar-reat kommess minnu, u ċioè serqa mid-dar ta’ żewġ anzjani f’dawk il-ftit sigħat li huma ma kinux id-dar waqt ir-rutina tagħhom ta’ nhar ta’ Ħadd filgħodu, u r-riperkussjonijiet li reat bħal dan ikollu fuq it-trankwillità tagħhom u tas-soċjetà b’mod ġenerali.
Lanqas ma jistax jiġi injorat il-valur komplessiv tas-serqa a detriment tad-derubati li mill-atti ma jidhirx li qatt ġew riżarċiti tat-telf subit minnhom. Huwa relevanti wkoll illi fiż-żmien meta ġiet kommessa s-serqa inkwistjoni, l-imputat kien qiegħed jibbenefika minn numru ta’ opportunitajiet mogħtija lilu mill-Qorti sabiex jirriabilita ruħu, u għalhekk għalkemm kif ingħad din il-Qorti għandha tieħu inkonsiderazzjoni l-progress li l-imputat għamel matul is-snin, xorta waħda jrid jinstab bilanċ li jirrifletti kemm il-opportunità ħela l-imputat fiż-żmien tal-kummissjoni tar-reat odjern.
Ikkonsidrat dan kollu, il-Qorti tqis li l-piena idonea f’dan il-każ tkun l-imposizzjoni ta’ terminu ta’ priġunerija fil-minimu assolut tiegħu skont kif ikkontemplat fil-liġi, u din il-Qorti ser tuża d-diskrezzjoni tagħha sabiex ma tapplikax żieda bi grad minħabba l-addebitu tar-reċediva, sabiex jinstab bilanċ bejn dak spjegat fil-paragrafu preċedenti u l-progress li sar mill-imputat matul is-snin.
Għal Scerri dehru l-Avukat Franco Debono u Marion Camilleri. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Fabian Fleri. Scerri appella mis-sentenza.
//= $special ?>