Stanley Zammit, PN
Stanley Zammit, ix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet, ikkritika fil-Parlament li r-Rapport Annwali dwar l-Iżvilupp Sostenibbli 2023 u enfasizza li dan ġie ppreżentat tard u jonqos milli jipprovdi direzzjoni ċara jew soluzzjonijiet għall-isfidi li qed tiffaċċja Malta.
Huwa ddeskrivih bħala “eżerċizzju superfiċjali” li juri biss medjokrità fit-tmexxija.
Stanley Zammit sostna li r-rapport ma jipprovdux analiżi dettaljata tal-effettività tal-politiki implimentati, u lanqas ma jgħaqqad l-inizjattivi mal-progress li jista’ jitkejjel. Dan jonqos milli jidentifika nuqqasijiet jew joffri strateġiji għat-titjib futur. L-akbar kritika kienet fuq in-nuqqas ta’ viżjoni ġdida għall-ippjanar sostenibbli.
Waħda mill-kwistjonijiet ewlenin enfasizzati kienet l-importazzjoni bla pjan ta’ barranin li żiedet il-popolazzjoni għal 535,000 fl-2022 minn 420,000 fl-2012, u għamlet lil Malta l-aktar pajjiż densament popolat fl-UE.
Stanley Zammit qal li din il-politika qed toħloq pressjoni insapportabbli fuq l-infrastruttura, is-saħħa, it-traffiku, l-ambjent, u l-prezzijiet tal-proprjetà u l-kera. Għaldaqstant, huwa iddeskriva din il-politika bħala riċetta għall-kaos.
Id-deputat Nazzjonalista staqsa għaliex il-Gvern naqas milli jiżviluppa ppjanar ħolistiku għall-bliet u l-irħula li jqis il-bżonnijiet ta’ kwalità tal-ħajja, l-estetika, u l-armonija mal-ambjent naturali. Huwa rrimarka li dan ir-rapport lanqas biss jagħti informazzjoni dwar miżuri ta’ klima jew reviżjonijiet neċessarji fil-qasam tal-ippjanar u l-bini.
Il-Pjan Strateġiku Nazzjonali għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) ilu skadut għal 9 snin, għandna sistema bbażata fuq Pjani Lokali ta’ 20 sena ilu u l-Gvern daħħal politika tal-ippjanar li kerhu l-ambjenti tagħna, fetħu beraħ l-interpretazzjoni, naqsu t-trasparenza, żiedu l-inċertezza u għollew l-ispejjeż, sostna Stanley Zammit.
Hu saħaq li l-Partit Nazzjonalista għandu pjan ċar u trasparenti u se jintroduċi riforma ħolistika tas-sistema tal-ippjanar. Il-prijoritajiet jinkludu istituzzjonijiet indipendenti u ħielsa mill-politiċi, politika bbażata fuq data xjentifika u governanza tajba li tħares l-interessi tan-nazzjon kollu, mhux il-ftit privileġġjati.
“Malta għandha bżonn ippjanar sostenibbli u bilanċjat li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd u li jħares il-ġenerazzjonijiet futuri,” temm jgħid Stanley Zammit.
//= $special ?>