Lokali

Wirja li tiċċelebra l-ħajja ta’ Paul Asciak

It-Teatru Manoel se jippreżenta wirja ġdida li tiċċelebra l-ħajja u l-karriera tal-mibki Paul Asciak, wieħed mill-iktar tenuri popolari li qatt rajna f’pajjiżna.

L-esebizzjoni, li qed tittella’ fit-Teatru Manoel, tiftaħ fid-29 ta’ Jannar u tibqa’ għaddejja sal-aħħar ta’ Frar.

Il-wirja hija kkaratterizzata minn għadd ta’ oġġetti personali li kienu jappartjenu lil Asciak u tifkiriet oħrajn marbutin miegħu, kif ukoll kostum li ntlibes mit-tenur fl-1960 u li ġie restawrat b’reqqa u attenzjoni kbira.

Il-kostum intlibes minn Paul Asciak fir-rwol tiegħu bħala Otello fl-opra ta’ Giuseppi Verdi li ġġib l-istess isem.

Flimkien ma’ dan il-kostum uniku, l-esebizzjoni fit-Teatru Manoel tinkludi ritratti, kotba ta’ tifkira, posters tal-produzzjonijiet ta’ Paul Asciak, siltiet mill-gazzetti, kif ukoll il-kaxxa tal-irtokk tiegħu. Xi ħaġa oħra li se tkun għall-wiri għall-ewwel darba huwa bust ta’ Paul Asciak, li ġie mogħti b’donazzjoni lit-Teatru Manoel minn uliedu.

Paul Asciak twieled il-Belt Valletta fit-28 ta’ Jannar tal-1923. U fl-1950, huwa ddebutta fl-Italja… f’opra ta’ Verdi. Huwa kanta madwar Malta u l-Italja kollha, kif ukoll fl-Ingilterra, Wales u l-Irlanda.

It-tenur Malti ħa sehem ukoll f’xogħol mas-sopran Maria Callas. U aktar tard kien ġie impjegat mit-teatru presitġjuż Royal Opera House ta’ Covent Garden.

Paul Asciak miet f’April tal-2015. U ħalla warajh legat kbir li qed ikun iċċelebrat f’din il-wirja fit-Teatru Manoel.