Stħarriġ ieħor taċ-Chamber of SMEs juri li s-sidien tan-negozji jridu bidla, u huma tal-fehma li l-pajjiż miexi fid-direzzjoni l-ħażina.
Stħarriġ ikkummissjonat miċ-Chamber of SMEs li ġie ppubblikat ilbieraħ reġa’ kkonferma s-sitwazzjoni ta’ inċertezza li jinsab fiha dan is-settur tant importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Stħarriġ li reġa’ kkonferma li r-realtà għan-negozji hija ferm ’il bogħod mill-istampa sabiħa li jipprova jpinġi l-Gvern.
Huwa fatt mill-aktar inkwetanti li l-maġġoranza assoluta tas-sidien tan-negozji żgħar u medji f’pajjiżna, 76% ta’ dawk intervistati, reġgħu kkonfermaw għal darba oħra l-fehma tagħhom li l-pajjiż miexi fid-direzzjoni l-ħażina u appellaw biex il-Gvern b’mod immedjat ibiddel id-direzzjoni ekonomika.
Fi stqarrija, Robert Cutajar, Shadow Minister għas-Self Employed, l-Intrapriżi ż-Żgħar u l-Koperattivi; u Ivan Castillo, Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja; qalu li din il-politika żbaljata tal-Gvern qed terġa’ tkun il-kaġun ta’ żieda fil-prezzijiet li qed tfisser piż akbar fuq il-familji Maltin.
Il-fatt li l-prezzijiet qed jogħlew minħabba li n-negozjant qed ikollu joħroġ minn butu ż-żidiet għall-għoli tal-ħajja qed iwassal biex ikomplu jogħlew il-prezzijiet. Konferma oħra ta’ kemm hi importanti l-proposta tal-Partit Nazzjonalista biex min iħaddem jingħata tax credit fuq iż-żieda għall-għoli tal-ħajja.
Mill-istess stħarriġ ħareġ ċar ukoll li l-SMEs huma preokkupati serjament dwar in-nuqqas ta’ governanza tajba u l-korruzzjoni, li jibqgħu fatturi li qed ifixklu wkoll il-mixja ’l quddiem tal-pajjiż.
In-nuqqas ta’ viżjoni f’dak li għandu x’jaqsam mat-tkabbir bla rażan tal-popolazzjoni wkoll qed jinkwieta lis-sidien tan-negozji.
Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jappella u jinsisti mal-Gvern biex b’mod immedjat jieħu nota u jattwa l-proposti li issa ilhom żmien li tressqu ‘l quddiem mill-Oppożizzjoni u għandhom l-appoġġ tal-istess Chamber of SMEs u għaqdiet oħra tas-soċjetà ċivili. Fost dawn il-proposti hemm ukoll dik li l-Gvern għandu jieqaf jintaxxa l-COLA.
Kull ġurnata li tgħaddi, il-poplu Malti u Għawdxi qed jifhem u jirrealizza dejjem aktar li Malta għandha bżonn bidla – bidla li jista’ jagħtiha biss Gvern ġdid Nazzjonalista.
Robert Cutajar u Ivan Castillo qalu li hu biss il-PN li jista’ jagħti nifs ġdid u serħan il-moħħ lill-SMEs f’pajjiżna.
//= $special ?>